Coronavirus Ekonomija Lokali

Il-Prim Ministru rreaġixxa wara l-kritika tal-imsieħba soċjali u l-Oppożizzjoni – Adrian Delia

Għal darb’oħra, kellhom ikunu l-imsieħba soċjali flimkien mal-Oppożizzjoni biex dawk li l-Gvern l-ewwel sejħilhom pakketti ġenerużi, fehem li bl-ebda mod ma kienu se jwasslu biex jiġu salvati l-impjiegi u ma jingħalqux in-negozji.

Għal darb’oħra, għandna Gvern reattiv li, madankollu, naqas milli jieħu ħsieb li jappoġġja lill-ħaddiema u lin-negozji fis-setturi kollha, iżda minflok, għażel li jkun selettiv.

Ma ngħatat l-ebda raġuni għaliex, meta għandna, l-aktar livell baxx tal-prezz taż-żejt, il-Gvern qed jibqa’ jwebbes rasu u ma jaċċettax li jraħħas il-prezzijiet tal-enerġija mqar b’50%.

Ma ngħatat l-ebda garanzija lanqas lill-eluf li għadhom qed jirriskjaw l-impjieg tagħhom, lil dawk il-ġenituri li wieħed minnhom għażel jibqa’ d-dar jieħu ħsieb lit-tfal jew lill-persuni b’diżabbiltà li jagħżlu li jibqgħu d-dar għax huma vulnerabbli għall-Covid-19 li se jkollhom ix-xogħol tagħhom garantit.

Ma ngħatat l-ebda tama għal dawk li jafu li ma jaslux meta l-Gvern iħabbar miżuri għas-setturi li ma ġewx indikati.

Barra minhekk, hu tal-mistħija kif il-Prim Ministru, f’mument fejn l-aktar li għandna bżonn huma sodod għall-kura tal-poplu, jiddikjara li l-miljuni ta’ ewro li qed inħallsu għalxejn lil Steward Healthcare issa huma “on the back burner”, filwaqt li ammetta li seta’ ħa d-deċiżjoni qabel ma nqalgħet din il-kriżi.

Iżda minkejja dan kollu, l-Oppożizzjoni tibqa’ ġġib l-interess tal-ħaddiema u tan-negozji, flimkien mal-ġid komuni tal-Maltin u l-Għawdxin kollha, l-ewwel u qabel kollox bi proposti u pressjoni li, kif ġara issa, jipperswadu lill-Gvern biex jimplimentahom.