Lokali

Irridu nneħħu l-inċertezza minn fuq l-istudenti

Jeħtieġ nieħdu s-saħħa u l-edukazzjoni ta’ uliedna b’serjetà

“L-imxija tal-COVID-19 f’pajjiżna kixfet in-nuqqas ta’ pjan fit-tul fil-implimentazzjoni ta’ miżuri u għodod moderni bħall-infrastruttura diġitali fis-settur tal-edukazzjoni f’pajjiżna. Dan meta rridu nindirizzaw l-inċertezzi minn fuq l-istudenti u jeħtieġ li nieħdu s-saħħa u l-edukazzjoni ta’ uliedna b’serjetà filwaqt li nagħtu l-għajnuna meħtieġa lill-għalliema sabiex dawn iż-żminijiet diffiċli ma jkabbrux id-digital divide.”, hekk qal il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni Clyde Puli waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien ma’ Claudette Buttigieg u Ryan Callus.

Clyde Puli qal li fiċ-ċirkostanzi preżenti l-għeluq tal-iskejjel kien neċessarju fil-ġlieda kontra l-imxija tal-COVID-19 f’pajjiżna u l-Partit Nazzjonalista bħall-unjins ħeġġeġ lill-Gverb biex jagħlaq l-iskejjel meta ħassejna li kien qed ikaxkar saqajh. Huwa qal li f’dawn iż-żminijiet għandna quddiemna tlett sfidi partikolari kif se ngħinu lit-tfal li għadhom fl-edukazzjoni obbligatorja biex jirkupraw il-ħin mitluf, kif se ngħinu lil dawk l-istudenti li għandhom is-SEC u l-MATSEC li qed jittamaw li jidħlu fl-edukazzjoni post-sekondarja u terzjarja u kif se nagħmlu l-aħjar użu mit-teknoloġija, meta l-imxija tal-COVID-19 esponiet nuqqas ta’ pjan, fl-istrateġija u fl-implimentazzjoni tal-E-Learning f’mument fejn l-izjed li għandna bżonnu. Dan meta kienu saru investimenti kbar f’għodod ta’ remote learning iżda l-implimentazzjoni kienet kajmana u spiċċajna ma konniex ippreparati kif meħtieġ.

Clyde Puli qal li huwa neċessarju li titneħħa l-inċertezza minn fuq l-istudenti u tiġi indirizzata l-problema tal-eżamijiet fid-dawl li f’pajjiżna diġà hawn rata għolja ta’ school leavers u allura ma nistgħux inħallu li dan in-numru jkompli jikber. Huwa qal li fost il-ħafna proġetti li ġew imwegħda, l-implimentazzjoni tagħhom jew tħalliet fuq l-ixkaffa jew damet biex tidħol fis-seħħ bħat-tablets lill-istudenti u l-laptops lill-għalliema filwaqt li dwar l-artificial intelligence għadna lanqas biss bdejna. Clyde Puli qal li f’mument ta’ kriżi nazzjonali, l-Partit Nazzjonalista jridu li jkun parti minn soluzzjoni kollettiva għall-ġid tat-tfal tagħna, tal-familji tagħna u ta’pajjiżna.

Claudette Buttigieg qalet li l-ezamijiet tal-MATSEC qed joħolqu l-inċertezza meta fit-23 ta’ April se jkun hemm l-ewwel sett ta’ ezamijiet. Dan meta l-istudenti, l-ġenituri u l-għalliema jridu jkunu jafu jekk dawn l-eżamijiet hux se jsiru. Hija qalet li qed jissemmew sistemi differenti iżda, bħalma qalu l-SDM, bħalissa jagħmel iżjed sens li jitressqu d-dati tal-eżamijiet bi ftit xhur bit-tama li s-sitwazzjoni tiġi lura għan-normal mill-iktar fis u jonqsu l-istress u l-ansjetà. Jidher li hemm studenti li kienu għadhom ma spiċċawx is-sillabu kollu tal-eżami u għalhekk bosta għalliema qed jipprovaw jgħinu lill-istudenti iżda mhux dejjem qed jirnexxielhom minħabba d-digital divide u jidher li hemm diskrepanza fis-servizzi tekniċi li qed jużaw l-istituti post sekondarji. Claudette Buttigieg qalet li problema oħra hija s-sistema ta’ tagħlim u assessjar tas-suġġetti prattiċi, fejn hawnhekk ukoll irridu nirrikonoxxu l-isforzi li qed jagħmlu bosta għalliema biex jużaw dan iż-żmien biex jiffukaw iktar fuq t-teorija imma n-nuqqas ta’ prattika wkoll se jkollha effett. Hija qalet li l-problemi marbuta mal-edukazzjoni huma bosta u sostanzjali, iżda hemm deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu u jiġu kkomunikati mill-Gvern immedjatament.

Ryan Callus qal li li l-Gvern għandu jestendi l-inċentivi tal-industrija lill-klabbs sportivi wkoll hekk kif dawn huma mibnija fil-maġġorparti fuq il-volontarjat u jiddependu mill-isponsorships tal-industrija u xi kirjiet tal-bars tal-klabb, li wkoll qalgħu daqqa minħabba s-sitwazzjoni. Huwa rringrazzja lill-instructors li qed jagħtu lezzjonijiet ta’ attivita’ fiżika fil-mezzi soċjali, partikolarment dawk li qed jagħtuhom bla ħlas, mod kif nuru li aħna soċjetà li jimpurtaha. Ryan Callus qal li dan huwa mument fejn nagħżlu l-prodott Malti speċjalment il-ħaxix u l-prodotti lokali biex filwaqt li nieklu san, ngħinu wkoll lill-familji Maltin. Hekk kif il-familji qed jgħaddu ħafna iktar ħin fi djarhom irridu nindirizzaw is-saħħa mentali wkoll, hekk kif il-bidla fl-istil tal-ħajja flimkien mal-problemi tax-xogħol u l-biża’ mill-virus qed joħolqu ansjeta’. Ryan Callus appella lill-Gvern sabiex immedjatament jippubblika pakkett ta’ miżuri għas-saħħa mentali, b’miżura minnhom għandu jkun helpline dirett għal min ikun jeħtieġlu l-għajnuna psikoloġika li jkun mmexxi minn professjonisti fil-settur biex b’hekk inkunu qegħdin nassiguraw li ħadd ma jibqa’ waħdu u nkunu kapaċi noħorġu minn dan iż-żmien flimkien.

Flimkien mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni, l-Iżvilupp Uman u l-Ħiliet għas-Seklu 21 Clyde Puli, din il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar id-Drittijiet Indaqs, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Claudette Buttigieg u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Ġlieda kontra l-Obeżità Ryan Callus.