Futbol Sport

Issa li għamilt il-passi biex inkun nista’ nistudja u mmur barra, jekk jiġi ċ-ċans jien lest – Matthew Guillaumier, midfielder ta’ Birkirkara

Il-prestazzjonijiet ta’ Matthew Guillaumier fl-aħħar snin ikkonfermaw li t-talent indiskuss tiegħu jista’ jwassal biex ikollu karriera sabiħa. Midfielder b’intelliġenza tattika, teknika u viżjoni ta’ logħob li tagħmlu plejer influwenti f’tim kompetittiv bħal dak ta’ Birkirkara. Żagħżugħ li hu destinat biex ikompli l-karriera barra minn Malta, diġà għamel id-debutt mat-tim nazzjonali tal-kbar u ħafna qed iqisuh bħala wieħed mill-plejers li se jsawru t-tim nazzjonali għas-snin li ġejjin.

Il-kwalità tiegħu kienet diġà bdiet tidher minn età żgħira, tant li għamel id-debutt ma’ St. Andrews fl-Ewwel Diviżjoni meta kienu għadu tista’ tgħid tfajjel. Hu għamel il-pass fil-Kampjonat Premier ma’ Birkirkara u fl-aħħar erba’ snin immatura bħala plejer u tela’ tarġa tarġa biex illum hu meqjus bħala mhux biss il-futur tat-tim nazzjonali iżda wkoll il-preżent. Għalkemm laħaq ċertu livell, Matthew Guillaumier hu plejer determinat u żgur li mhux kuntent li wasal sa dan il-livell għaliex irid ikompli jitjieb. Hu konxju biżżejjed ta’ dan il-fatt u miegħi identifika li jrid jitjieb fil-grinta filwaqt li bħala midfielder isib ix-xibka aktar drabi milli għamel sa issa. Fil-Kampjonat Premier skorja ħames darbiet f’ħames staġuni.

Dwell bejn Joseph Farrugia u Matias Muchardi biex jirbħu l-pussess tal-ballun (Ritratt: Martin Agius)

L-influwenza ta’ Joseph Farrugia

Mertu kbir li dan it-talent beda jiżviluppa hu ta’ Joseph Farrugia. Flimkien ma’ Farrugia, hu kellu wkoll lill-eks difensur Brian Said li għenu wkoll mhux ftit. Il-midfielder Farrugia li fl-eta ta’ 38 sena għadu jilgħab ma’ St. Andrews fl-Ewwel Diviżjoni, jiġi z-ziju ta’ Matthew Guillaumier. Għal diversi snin lagħbu flimkien u għalhekk kellu kuntatt dirett biex itih il-pariri fejn irid itejjeb il-logħba tiegħu. “Meta nkunu mal-familja anki issa li ma għadnix nilgħab miegħu, għadu jgħini u jgħidli ċertu affarijiet li nista’ nitjieb fil-logħba tiegħi. Jgħini mentalment u jgħallimni fuq ċertu affarijiet tal-futbol Malti.”

“Meta kont nilgħab miegħu kien jgħini ħafna fil-grawnd għaliex ovvjament kont għadni żgħir. Naħseb mingħajru ma kontx inkun il-plejer li jien bħalissa. Nixtieq nirringrazzjah għal dak kollu li jagħmel u j’Alla jibqa’ jagħmlu.” Illum ma’ Birkirkara, Guillaumier għandu plejers bħal Michael Mifsud u Roderick Briffa, plejers tal-istess età ta’ Farrugia li flimkien ma’ plejers oħra jgħinuh. Guillaumier ikkonferma dan u ddeskrivihom bħala plejer li “nfittex li nisma’ mingħandhom u nieħu l-pariri tagħhom.”

Id-debutt fil-Kampjonat Premier ma’ St. Andrews

L-istaġun 2015/16 jibqa’ importanti għalih hekk kif għamel id-debutt fil-Kampjonat Premier ma’ St. Andrews, it-tim li miegħu beda jilgħab ma’ tim tal-kbar fl-Ewwel Diviżjoni. “Kienet esperjenza diffiċli fil-Premier għax lanqas konna ġbarna punt niftakar dak iż-żmien, jiġifieri mentalment kont naqra inċert.” Għalkemm ma kisibx punt mal-Vjola, il-prestazzjonijiet tiegħu kienu biżżejjed biex attira l-interess ta’ diversi timijiet, bl-għażla tiegħu ddur fuq Birkirkara.

(Ritratt: Trevor Sollars)

Għaliex għażel lil Birkirkara?

F’Jannar tal-2016, Matthew Guillaumier ingħaqad ma’ Birkirkara u staqsejtu x’kienet ir-raġuni li għażel lil dan il-klabb. “Għażilt Birkirkara għax naħseb li għal karattru tiegħi hu kompatibbli u anki għal viżjoni li kellhom u għad għandhom. Hu jirrakkonta kif f’dak ix-xahar kienu ħallew il-klabb Paul Fenech biex ingħaqad ma’ Balzan filwaqt li Rowen Muscat ingħaqad b’self ma’ Pavia. B’żewġ midfielders stabbiliti li ħallew il-klabb, Guillaumier ħass “li kien pass tajjeb li nkun nista’ nilgħab u nilgħab iktar minn ma’ ċertu timijiet.” Il-midfielder ta’ 21 sena jgħid li Birkirkara għenuh ħafna fiżikament biex jilħaq il-livell tal-klabb u jkun preparat biex jilgħab il-logħbiet ewlenin. Barra minn hekk, f’dan iż-żmien, hu lagħab ma’ diversi plejers ta’ esperjenza li għenuh fil-karriera.

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Birkirkara fil-preżent

Fl-aħħar snin, Birkirkara ma kellhomx staġuni feliċi hekk kif naqsu li jirbħu unur maġġuri mill-2015. Dan minbarra d-diversi bdil ta’ plejers u kowċis li ma kinux ta’ għajnuna biex tinbena bażi soda. Guillaumier li ilu mal-klabb ftit aktar minn erba’ snin, jirrikonoxxi li t-tibdil kbir fl-iskwadra ħalla effett negattiv. “Is-suq tat-trasferimenti li għadu kif għadda, kien l-ewwel wieħed fejn ma kienx hemm ħafna tibdil u issa qed naraw li vera t-tim qed joqgħod u qed niffurmaw grupp tajjeb fid-dressing room. Qed inħoss li l-plejers qed jingħaqdu u anki fil-logħob qed jidher.

Qabel il-waqfa tal-kampjonat minħabba l-coronavirus, Birkirkara kienu ġejjin minn tmien riżultati pożittivi fil-kampjonat. Huma rebħu l-aħħar erba’ logħbiet tagħhom u f’dan il-perjodu li beda fit-13 ta’ Diċembru li għadda, għelbu fosthom lil Floriana, Valletta, Hibernians, Sirens u Gżira United, jiġifieri t-timijiet li flimkien magħhom jinsabu fl-ewwel sitta tal-klassifika. Il-Karkariżi kellhom bidu negattiv f’dan l-istaġun hekk kif wara 12-il logħba kellhom biss 13-il punt. Ħafna minn dawn il-logħbiet, Matthew Guillaumier ma lagħbx minħabba li kien imweġġa’. Fl-aħħar staġuni wkoll kellu injuries li waqqfuh f’ċertu mumenti tal-kampjonat.

Hu jgħid li l-problema kienet li kellu żewġ injuries imma fit-tnejn li huma kellu ħafna posponimenti u nuqqas ta’ komunikazzjoni. Iżda l-midfielder xorta jara l-pożittiv f’dan il-mument għaliex “meta tkun imweġġa’, tibda tgħid jien irrid nerġa’ nidħol u rrid nerġa’ nuri x’naf, jiġifieri mentalment għenuni ħafna.” Hu jgħid li s-sapport ta’ dawk ta’ madwaru għenuh biex jirritorna fil-livell li kien qabel fih.

(Ritratt: Trevor Sollars)

Il-livell tal-futbol Malti

Peress li kont qed nitkellem ma’ żagħżugħ promettenti li hu Malti, ma stajtx ma nitkellimx miegħu fuq il-livell tal-futbol Malti. Mingħajr tlaqliq bħal diversi plejers u kowċis, qalli li ma jaqbilx li fil-Kampjonat Premier hemm 14-il tim biex jitjieb il-livell. Aktar minn hekk għandu opinjoni b’saħħitha dwar l-ispazju li plejers żgħażagħ Maltin isibu fit-timijiet tagħhom. “Jiena nemmen li jekk tkun tajjeb tilgħab, jiġifieri jekk tiġi fit-taħriġ u tkun aħjar minn barrani ħa jilagħbek għax fl-aħħar mill-aħħar, il-kowċ ikun irid il-ġid tat-tim. Naħseb li jekk veru tkun tajjeb jaraw kif ħa jdaħħluk fit-tim.” Dwar it-tim nazzjonali, Guillaumier hu ta l-opinjoni li biex jitjieb il-livell irid ikun hemm aktar plejers li jilagħbu barra.

(Ritratt: Trevor Sollars)

Il-karriera barra minn Malta

Fl-2013, Matthew Guillaumier kellu esperjenza qasira mal-akkademja ta’ Empoli iżda rritorna pajjiżna wara ftit. Hu jammetti li “meta kont iżgħar, inħoss li ma kontx matur biżżejjed biex nibqa’ barra u kien hemm ħafna aspetti li bdejt naħseb fuqhom biex nerġa’ niġi lura.” Dak iż-żmien kien għad kellu 15-il sena u lanqas l-O’ Levels ma kien għad kiseb għaliex hu jagħti importanza kbira l-iskola. Permezz ta’ għajnuna wkoll mill-Malta Football Players Association, qed isegwi kors fi Sports Management biex ikollu karriera doppja. “Issa li għamilt il-passi biex inkun nista’ nistudja u nkun nista’ mmur barra, jekk jiġi ċ-ċans jiena lest.”

Il-karriera ta’ Matthew Guillaumier sa issa

Matthew Guillaumier għamel id-debutt mat-tim ewlieni ta’ St. Andrews fl-Ewwel Diviżjoni fejn anki rnexxielu jsib ix-xibka darbtejn fl-istaġun 2013/14 meta kien għadu jagħlaq 16-il sena. Hu sab ukoll ix-xibka fl-istaġun ta’ wara u għen lil St. Andrews biex jiksbu l-promozzjoni fil-Kampjonat Premier. Guillaumier għamel id-debutt fl-ogħla diviżjoni fil-21 ta’ Awwissu tal-2015 fit-telfa li St. Andrews ġarrbu kontra Valletta bl-iskor ta’ 3-0. Fl-età ta’ 17-il sena, hu kien plejer regolari f’nofs il-grawnd għalkemm St. Andrews tilfu l-logħbiet kollha.

F’Jannar tal-2016, Guillaumier ingħaqad ma’ Birkirkara, il-klabb li għadu miegħu sal-lum. F’dak l-istaġun taħt it-tmexxija ta’ Drazen Besek, Guillaumier beda jkun introdott ftit ftit. Mill-istaġun ta’ wara, Matthew Guillaumier beda jsib postu fit-tim u minn dakinhar għajr meta kien imweġġa’, kien prattikament plejer regolari. Sa issa fil-Kampjonat Premier sab ix-xibka ħames darbiet, bl-ewwel gowl jasal fit-22 ta’ Ottubru tal-2016 fir-rebħa kbira ta’ 7-1 kontra Gżira United. Hu skorja tal-anqas gowl fl-aħħar erba’ staġuni.

(Ritratt: Matthew Tabone)

L-esperjenza fit-tim nazzjonali

Mat-tim nazzjonali Malti, Matthew Guillaumier lagħab żewġ logħbiet taħt it-tmexxija ta’ Ray ‘Żażu’ Farrugia. Hu għamel id-debutt fit-23 ta’ Marzu tas-sena l-oħra fir-rebħa ta’ 2-1 li t-tim Malti kiseb kontra l-Gżejjer Faroe. Tlett ijiem wara, hu lagħab kontra l-qawwa ta’ Spanja u fiż-żewġ logħbiet kellu prestazzjonijiet pożittivi. Dawn iż-żewġ logħbiet intlagħbu f’pajjiżna, logħbiet li żgur mhux se jinsa. Id-debutt jibqa’ l-aktar mument memorabbli tiegħu sa issa fejn irrimarka li rċieva għajnuna mill-plejers kollha u fi kliemu dik l-esperjenza mhu se jinsiha qatt.