Coronavirus Lokali

Jikber id-diżappunt ta’ ħafna self employed u sidien ta’ negozji żgħar li jintebħu li mhux eliġibbli għall-għajnuna tal-gvern – il-PN

Fost is-sidien ta’ negozji żgħar qiegħed jikber is-sens ta’ diżappunt. Uħud li tkellmu mal-Partit Nazzjonalista jidher li qed jiġu mgħarrfa li m’humiex eleġibbli għall-għajnuna. Dan id-diżappunt ta’ ħafna self employed u sidien ta’ negozji żgħar huwa prova ta’ kemm dan il-gvern mhux jifhem il-gravità tal-problemi li ħafna nies qed jgħixu fil-preżent.

Fi stqarrija f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Self Employed Edwin Vassallo, il-Partit Nazzjonalista innota li hawn ħafna negozji li kellhom jagħlqu għaliex spiċċaw bla domanda għas-servizz tagħhom ladarba negozji oħra ġew magħluqa mill-gvern. Il-gvern mhux jifhem il-gravità tas-sitwazzjoni reali fejn ħafna sidien ta’ negozji qed imorru għand il-banek biex jissellfu l-flus ħalli jżommu lill-ħaddiema u l-banek għadhom qed joffru s-self b’rata kummerċjali u dan għaliex għadhom bla ebda informazzjoni uffiċjali minn naħa tal-gvern.

Il-Partit Nazzjonalista innota wkoll li għadha ma ħarġitx uffiċjalment l-legal notice li joħroġ il-gvern li permezz tagħha l-avviż tal-Ministru Fearne li fih ħabbar min għandu jibqa’ magħluq.

Il-Partit Nazzjonalista sostna li dawn huma nuqqasijiet ta’ gvern li huwa maqtugħ mir-realtajiet ta’ dan iż-żmien hekk diffiċli għal min iħaddem u għall-ħaddiema u l-familji tagħhom. Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-gvern jieħu deċiżjoni li fl-għajnuna li qed jipprepara li joffri, fihom jinkludi lis-self employed u sidien ta’ negozji li fil-preżent huma magħluqa kemm jekk għax ġew magħluqa mill-gvern kif ukoll jekk għaliex m’hemmx domanda għall-prodott u servizz tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista ilu jagħmel proposti meħtieġa u ġusti mar-realtà tal-lum. Il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-gvern jieħu nota tal-proposti tal-Partit Nazzjonalista u jara li wara diskussjonijiet mal-imsieħba soċjali, joħroġ pakkett ta’ għajnuna li tassew ikun ta’ għajnuna għas-self employed u sidien tan-negozji tagħna.