Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li uża sikkina wara argument stradali – l-allegat vittma wkoll jitressaq il-Qorti

Leandro Mansueto, żagħżugħ ta’ 21 sena residenti l-Floriana baqa’ miżmum taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li nhar il-Ħadd li għadda kkaġuna feriti ta’ natura gravi fil-konfront ta’ żagħażugħ ieħor, Glenn Cassar ta’ 25 sena, residenti l-Belt Valletta, li b’mod separat, u ftit tal-ħin wara tressaq il-Qorti mixli li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq Mansueto

Cassar, li daħal fl-awla numru 14 ta’ Qorti, miexi nklinat u jokrob bl-uġiegħ ingħata l-libertà proviżorja wara li ma saret ebda oġġezzjoni mill-Ispettur Jeffrey Scicluna iżda fil-każ ta’ Mansueto, l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba. Dan wara li l-Qorti fetħet b’urġenza fid-dawl lio bħalissa mhijiex tiffunzjona minħabba l-epidemija tal-Covid19.

Mansueto, li qal li jaħdem f’showroom tal-karozzi wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih ġie mixli li għall-ħabta tan-12:30pm. fi Triq il-Mediterran fil-Belt agredixxa lil Cassar meta tah daqqa ta’ sikkina f’siequ, b’Cassar jispiċċa taħt osservazzjoni fl-Isptar Mater Dei.

Irriżulta li Cassar, li jaħdem ma’ Transport Malta, biex jevita ħabta ma’ vettura li kienet qed tinstaq fi Triq San Duminku, baqa’ dieħel f’żewġ karozzi pparkjati. Wara nqala’ argument bejnu u Mansueto, li dan wara l-inċident telaq minn fuq il-post.

Aktar tard bdiet tfittxija għalih u ftit tal-ħin wara l-Pulizija tal-RIU sabuh f’residenza fil-Furjana. Huwa ġie arrestat u ttieħed l-Għassa tal-Belt għal aktar stħarriġ.

Mansueto, li għalih deheret l-Avukat Marion Camilleri flimkien mal-Avukat Franco Debono qed jikkontendi li għamel dak li għamel bħala ‘self-defence’. Huwa ġie mixli wkoll li kellu fil-pusess tiegħu arma rregolari, li ġarr l-istess arma bla liċenzja u li sar reċediv.

L-Avukat Marion Camilleri qalet li l-klijent tagħha m’għandux xi kondotta kulurita u mhux biss aġixxa biex jiddeffendi lilu nniffsu iżda wkoll li Cassar agredixxa lil ħu Mansueto li għad għandu 15-il sena, u li min hemm skalat il-ġlieda.

Hija qalet ukoll li Cassar hedded bil-mobajl lil membri tal-familja Mansueto. Qalet li fiċ-ċirkostanzi tal-fatt li l-kumpilazzjoni mhijiex se tibda fi żmien 15-il ġurnata minħabba l-problema tal-Covid19, il-klijent tagħha għandu jingħata l-libertà proviżorja, anke permezz ta’ kundizzjonijiet iebsin.

Minn naħa tagħha l-Avukat Gianella Demarco, li deheret għal Glenn Cassar qalet li l-klijent tagħha u Mansueto jistgħu jgħodduha b’waħda minħabba li fil-Qorti seta’ kellna każ ta’ qtil u għalhekk mhux biss kienet tintilef ħajja, iżda Mansueto kien jiġi akkużat b’omiċidju.

Anke l-Prosekuzzjoni qalet li minħabba li għad baqa’ t-testimonjanza tax-xhieda pajżana f’dan il-każ kienet qed toġġezzjona t-talba tad-difiża. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima ċaħdet it-talba.

Wara tressaq Glenn Cassar li ġie mixli b’ferita ta’ natura ħafifa fuq Mansueto, b’theddid fuqu u fuq żewġ membri oħra tal-familja tiegħu, nkluż ħuh ta’ 15-il sena, u dan permezz ta’ meżżi elettroniċi. Ġie mixli wkoll li kiser l-ordni u l-kwiet pubbliku.

Il-Qorti fiż-żewġ każi qalet liż-żewġ żgħażagħ biex joqgħodu bogħod minn xulxin u biex Cassar ma jersaqx lejn il-Florina, ħlief biex joħroġ mill-Belt Valletta.

L-Avukat Demarco għamlet talba għal libertà proviżorja fil-konfront tal-klijent tagħha fejn qalet li għandu kondotta nadifa, jaħdem b’mod regolari, li l-ġrieħi li wettaq kienu ħfief ħafna u li kkopera bis-sħiħ mal-Pulizija. Qalet li Cassar lest li joqgħod għall-provedimenti kollha tal-Qorti.

It-talba ġiet milqugħa fuq depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €15,000. Il-Qorti ordnat ukoll lil Cassar biex jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija tal-Belt l-Erbgħa u s-Sibt bejn it-8.00am u 12.00pm biex ikun id-dar sad-9.00pm. u ma joħroġ qabel id-9.00am. u li fl-ebda ħin u mod m’għandu jikkomunika mal-familja kollha Mansueto.

Cassar deher perpless u anzjuż minħabba l-ammont ta’ depożitu li ried jiddepożita fir-reġistru tal-Qorti, problema li ġiet solvuta minn ħuħ li għamel tajjeb għalih.

Il-Maġistrat Astrid May Grima wissiet lil Cassar li jekk jonqos li joqgħod mal-ordnijiet tal-Qorti, dan jerġa’ jitressaq quddiemha u jista’ jiġi kundannat massimu ta’ sentejn ħabs, u €7,000 multa, li jfisser li jitlet ukoll id-depożitu u l-garanzija personali, li bil-multa b’kollox jammontaw għal €27,000.