Lokali Parlament

Kieku l-fruntieri ngħalqu qabel, il-corona virus ma kienx jikber

  • Stephen Spiteri, PN

Id-deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri qal li kieku l-fruntieri tal-pajjiż ingħalqu qabel, il-corona virus ma kienx jikber fil-pajjiż.

Fil-parlament id-deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri qal li jrid isir minn kollox biex Malta ma tgħaddix minn dak li għaddejjin minnu pajjiż oħra. L-akbar ġlieda hi mal-ħin, sostna Stephen Spiteri, li kompla li għandu jkun assigurat li s-servizz tas-saħħa jibqgħu jlaħħqu mal-każijiet tal-virus.

Għalhekk kulħadd għandu jagħti sehemu kif qed tagħmel l-Oppożizzjoni. Hu tkellem dwar il-miżuri li qed jittieħdu u fuq il-prekawzjonijiet li jridu jibqgħu jittieħdu.

Jeħtieġ li l-pajjiż ikun imġejji fl-infrastruttura, ir-riżorsi uman u l-loġistika biex tilqa’ għall-eventwalità ta’ mewġa ta’ infezzjonijiet. Kien ferm importanti li ngħalqu l-fruniteri; kemm kien ikun aħjar li kieku dawn ingħalqu qabel għaliex il-fatti juru li ħafna mill-każi huma importati.

Jeħtieġ li l-pajjiż jantiċipa biex ikun jaf x’se jiġġieled u kif se jitratta din il-marda. L-Isptar mhux qiegħed hemm għall-corona virus iżda jrid jieħu ħsieb ukoll pazjenti oħra li huma morda b’mard ieħor.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-pajjiż ma jridx ikun tard jew kmieni żżejjed u spjega kif din il-marda qed teffettwa l-pajjiż kollu. Hu qal li l-pajjiż se jgħaddi minn żmien diffiċli u għalhekk jeħtieġ kooridnazzjoni minn kulħadd biex is-sitwazzjoni tkun miġġielda.

Stephen Spiteri sellem lil dawk kollha fis-settur medika li huma impenjati f’din il-ġlieda kontra l-corona virus.