Coronavirus Festi Knisja Lokali

Il-Knisja tħassar il-festi

Il-Purċissjoni tad-Duluri fil-Belt
Inċertezza dwar il-festi tar-raħal

Fid-dawl tas-sitwazzjoni preżenti b’riżultat tal-pandemija tal-Covid-19, l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex qegħdin joħorġu direttivi dwar il-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid il-Kbir, l-Ewwel Tqarbina u l-Griżma tal-Isqof, u l-Festi.

Il-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid il-Kbir

Din is-sena ma jsirux manifestazzjonijiet pubbliċi nhar id-Duluri u tul il-Ġimgħa Mqaddsa, inkluż Ħadd il-Palm, il-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir. Ser jintbagħtu direttivi dettaljati lill-kappillani, superjuri reliġjużi u saċerdoti, rigward iċ-ċelebrazzjonijiet fil-knisja b’rabta mal-Ġimgħa Mqaddsa, fid-dawl tad-digriet maħruġ mill-Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti rigward il-funzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa.

Il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira din is-sena ma jsirux. Dejjem jekk is-sitwazzjoni tkun tippermetti f’dak iż-żmien, il-pellegrinaġġ tad-Duluri jista’ jsir f’Settembru b’rabta mal-Festa tad-Duluri nhar il-15 ta’ Settembru.

L-Ewwel Tqarbina u l-Griżma tal-Isqof

Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel Tqarbina u tal-Griżma tal-Isqof, li kienu ppjanati għal qabel is-sajf 2020, huma posposti għal aktar tard meta s-sitwazzjoni titjieb u jkun possibbli li jibdew isiru mill-ġdid dawn iċ-ċelebrazzjonijiet.

Festi

Il-festi kollha li kienu ppjanati li jsiru fil-parroċċi u fil-knejjes sal-aħħar ta’ din is-sena (2020) jistgħu jsiru biss wara li l-awtoritajiet tas-saħħa jkunu taw il-permess li jistgħu jinġabru flimkien nies f’attivitajiet pubbliċi, u f’kull każ, għal din is-sena 2020, isiru biss f’din il-forma:

1 Il-Ħadd biss (jew f’jum ta’ festa pubblika) isir pellegrinaġġ ta’ talb u ringrazzjament bil-vara meqjuma f’dik il-festa.

2 Dakinhar issir ukoll quddiesa tal-festa fil-knisja.

3 Ma jkunx hemm ċelebrazzjonijiet oħra interni jew esterni.

Aktar dettalji jingħataw skont kif tiżviluppa s-sitwazzjoni.

Fl-aħħar l-Isqfijet ta’ Malta u Għawdex appellaw għat-talb biex il-Mulej iżomm lill Maltin u l-Għawdxin kollha dejjem taħt il-ħarsien tieghu.

Ikkummenta