Coronavirus Ekonomija Lokali

L-MDA tinsisti mal-Gvern għal aktar miżuri t’għajnuna lill-familji Maltin

Tipproponi tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma

Fid-dawl tas-sitwazzjoni diffiċli li qed jiffaċċja pajjiżna, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, l-MDA insistiet dwar il-ħtieġa li l-Istat idaħħal miżuri sabiex jiġu ssalvagwarjati l-impjiegi u biex jiġu mgħejjuna l-familji li sabu rwieħhom f’qagħda finanzjarja diffiċli.

L-MDA għamlet il-proposti tagħha lill-Gvern f’dawk li qed issejjaħ ‘ċirkustanzi bla preċedent’.

Fost il-proposti, l-MDA qed tinsisti dwar il-bżonn li l-Gvern jikkunsidra t-tnaqqis mill-piż tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma fix-xhur li ġejjin. Dan jista’ jsir billi jiżdied in-numru ta’ units b’xejn kemm fuq l-elettriku kif ukoll fuq l-ilma lill-familji kollha. Dan l-aġġustament, tgħid l-MDA, għandu jibqa’ fis-seħħ sal-aħħar ta’ din il-kriżi. L-iżviluppaturi għamlu wkoll proposti dwar kif ħaddiema li spiċċaw bla xogħol għandhom jingħataw l-għajnuna.

L-MDA offriet ukoll l-għajnuna tagħha lill-Gvern sabiex jiġu identifikati propjetatjiet vojta fis-suq sabiex dawn ikunu jistgħu jintużaw bħala faċilitajiet mediċi temporanji kif ukoll għal użi oħra fil-ġlieda kontra l-Covid-19.

L-Assoċjazzjoni qalet li għandna niffukaw fuq kif pajjiżna jkun imħejji bl-aħjar mod biex jipprovdi l-aqwa servizz tas-saħħa u sabiex il-familji Maltin joħorġu minn dan kollu bl-anqas tbatija possibbli. Huma wegħdu li jagħmlu dak kollu li jistgħu sabiex jiġu ssalvagwardjati l-impjiegi u se jiqbgħu isegwu s-sitwazzjoni mill-qrib u joffru s-sostenn tagħhom fejn hu meħtieġ.