Coronavirus Edukazzjoni Lokali

L-SDM tipproponi li l-eżamijiet tas-SEC u l-MATSEC ikunu posposti b’xahar jew xahrejn

Il-Junior College (Ritratt: Martin Agius)

Fid-dawl taċ-ċirkostanza attwali, l-eżamijiet tas-SEC u tal-MATSEC għandhom ikunu posposti b’xahar jew xahrejn. Sostniet dan, l-għaqda Studenti Demokristjani Maltin fi stqarrija fejn elenkat numru ta’ proposti wara konsultazzjoni online mal-istudenti.

Fi stqarrija, l-SDM qalet li bħal dan iż-żmien xahar, suppost jibdew l-eżamijiet f’Livell Ordinarju u Avvanzat. Dawn normalment isiru fi klassijiet ta’ madwar 30 student. Ghalhekk, l-SDM saħqet li m’għandhomx isiru eżamijiet jekk ma jistgħux isiru f’ambjent sigur għas-saħħa.

Barraminhekk, l-SDM issostni li jekk se tittieħed deċiżjoni, l-istudenti għandhom ikunu jafu bil-quddiem u mhux ftit jiem qabel id-data ta’ meta isir l-eżami. L-SDM tfakkar li l-iskejjel issa ilhom magħluqin mit-13 ta’ Marzu u xi skejjel żgur mhux se jlaħħqu biex ilestu s-sillabi sal-aħħar tas-sena.

Minbarra li jiċċaqilqu d-dati tal-eżamijiet, l-SDM qed tipproponi li s-sessjonijiet tar-resit jiċċaqilqu b’ġimgħatejn u li jitħaffef l-ipproċessar tal-marki, bit-tama li ma tintilifx sena skolastika.

Fil-konsultazzjoni online ħareġ li b’dawn il-proposti, se jintilef il-break tas-sajf.

L-SDM fakket li fid-dawl taċ-ċirkostanzi straordinarji li ninsabu fihom, kulħadd qed jagħmel sagrifiċċju, b’mod partikolari ħaddiema fil-qasam tas-saħħa li b’sogru għalihom, qed jiġġieldu din il-pandemija. Fid-dawl ta’dan, il-prezz tat-telf ta’ ftit ġimgħat break mill-istudenti hu wieħed żgħir.