Kurżitajiet Lokali

Miżuri konta l-Korona Virus- jinbet aktar faqar f’Malta u Għawdex -#Solidarjeta MĠARR

Minħabba l-egħluq ta’ bosta negozji, kkawżata mill-miżuri li qegħdin jittieħdu, biex jiġi mnaqqas it-tixrid tal-Korona Virus, ħafna familji qed ikollhom iħabbtu wiċċhom ma’ realtá ġdida ta’ faqar.

Dan għax sfaw mingħajr xogħol, ħafna mhux qegħdin jirnexxilhom ipoġġu l-ikel fuq il-mejda, minbarra li wkoll mhux qegħdin jgħixu ħajja deċenti kif jixraq lill-bniedem.

Kumitat żgħir, immexxi mill-Kappillan tal-Imġarr, Dun Ġorġ Schembri, flimkien mal-Kunsill Lokali, qed jorganizza bank tal-ikel. F’din l-inizjattivá qegħdin ukoll jikkollaboraw ħwienet tal-ikel, tal-ħelu u oħrajn li sa issa jistgħu ikomplu joperaw.

Il-kumitat jittama li dan il-proġett jitkompla minn parroċċi u kunsilli lokali mal-pajjiż kollu. Qegħdin iħeġġu lil parroċċi u kunsilli lokali oħra, biex jorganizzaw il-bankijiet tal-ikel tagħhom, bl-isem #Solidarjeta, segwit bl-isem tal-lokalita’ tagħhom.

Nies li jidħlu jixtru fil-ħwienet, se jkunu jistgħu jħallu xi ftit oġġetti tal-ikel u għat-tindif, mill-lista li tidher hawn isfel. Il-lista mhix esklussiva, imma tissuġġerixxi l-aktar oġġetti bżonjużi u sutanzjużi.

L-oġġetti jitħallew ġo trolli jew kontenitur fil-ħwienet li qegħdin jipparteċipaw. Kaxxa għad-donazzjonijiet sigura, se tkun fl-intrata tal-knisja parrokkjali. Il-flus li se jinġabru, se jintużaw biex jinxtraw ikel jew bżonnijiet inqas ġeneriċi, bħal prodotti bla glutina jew ħalib, skont il-bżonn ta’ familji jew individwi partikolari.

Fost l-ikel li wieħed jista’ jagħti huma ħobż, għaġin, ross, ċerejali (cornflakes)ħalib tal-pakkett long-life, ħalib tal-bott, te/kafe’, kunserva, zokkor, bottijiet tat-tadam, piżelli, corn, karotti, ful, fażola, corned beef, zalzett tal-bott, żejt u dqiq.

Dan jinkludi wkoll frott bħal tuffieħ, larinġ jew mandolin, bettiegħ mandolin u prodotti bħal basal, tin imqadded jew tamal, ġewż, karawett, ġellewż, zunnarijia u bajd.

Wieħed jista’ jagħti wkoll prodotti tal-ħasil bħal sapun tal-platti,trab/likwidu tal-ħwejjeġ, disinfettant,sapun tal-banju, toilet paper,pads, ħrieqi, trab tal-ħalib għat-trab,deodorant,toothpaste u xampu.