Impenn mal-Ħaddiema Lokali

Proposti mill-GWU biex tingħata għajnuna diretta lill-ħaddiema

Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja qal li fil-proposti tagħha li l-union għamlet lill-Gvern hija li l-ħaddiema għandhom jingħataw għajnuna diretta minħabba l-problemi li qed toħloq il-pandemija tal-Covid19.

Fuq mistoqsija ta’ Net News dwar jekk hux il-Gvern qed jaqbel ma’ din il-proposta, Bugeja qal li iva, imma ma jistax jiżvela aktar minħabba li l-laqgħat fuq dan ir-rigward għadhom għaddejjin.

Josef Bugeja kien qed jitkellem f’konferenza għall-istampa li huwa għamel fejn huwa qal li l-maġġoranza tal-istaff nurses fl-isptar Mater Dei issa huma membri tagħha, jew aħjar li l-maġġoranza tagħhom issa saru membri tal-GWU.

Mingħajr ma ried jiżvela wisq, fosthom ma’ min kienu membri qabel, Bugeja qal li ħafna minn dawn in-nurses li jgħoddu mad-90 iddeċidew li jsiru membri minħabba li raw li l-mod kif qed timxi l-union, hija l-mod kif jemmnu huma, dik li hemm strateġija u li hemm komuni hija l-valuri komuni u li jridu jmexxu l-professjoni tagħhom il-quddiem.

Bugeja qal li l-pass li jmiss huwa li flimkien jgħaddu proposti lill-Gvern biex jitjiebu s-sistemi fid-dipartiment. Huwa faħħar lil dawn in-nurses u lil dawk kollha li qegħdin jiġġieldu lil dan il-virus b’mod professjonali.

Qal li huma esperti fis-suġġett u li l-poplu għandu jopqgħod mar-rakkomandazzjonijiet tagħhom. Tenna li huwa ħażin li wieħed b’xi mod jipprova jaħseb li huwa espert fil-qasam, meta dawn il-persuni żgur li jafu x’qegħdin jagħmlu u li għandna nkunu rikonoxxenti lejhom.

Waqt il-konferenza stampa preżenti kien hemm numru ta’ nurses li appellaw lill-pubbliku biex ikompli jaħsel idejh ta’ spiss, ma joqgħodx viċin ħafna nies u li kemm jista’ jkun joqgħod id-dar.