Sport Sport Ieħor

Pulev ma jsibx problema jiġġieled kontra Joshua mingħajr spettaturi

(Ritratt: EPA)

Il-Bulgaru Kubrat Pulev qal li mhix problema għalih li jiġġieled kontra Anthony Joshua mingħajr spettaturi. Il-boxer ta’ 38 sena magħruf bħala “The Cobra” żied li hu jinsab lest jisfida lil Joshua meta l-organizzaturi jiddeċiedu.

Il-ġimgħa l-oħra, Pulev qal lill-media fil-Bulgarija li l-ġlieda se tkun skedata b’diversi xhur minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Il-ġlieda oriġinarjament hi skedata li ssir fl-20 ta’ Ġunju fit-Tottenham Hotspur Stadium. Il-promotur Eddie Hearn iżda wieġeb mill-ewwel u qal li l-ġlieda għadha ma ġietx posposta b’mod uffiċjali.

“Jien lest għall-20 ta’ Ġunju, il-25 ta’ Lulju, meta jgħidu huma. Tara s-sitwazzjoni li qegħdin fiha, id-dinja kollha trid taġġusta. M’hemmx problema li tkun mingħajr spettaturi. Kulħadd ikun fid-dar tiegħu, jistgħu jħallsu għaliha biex jarawha, għalhekk ma narax problema finanzjarja.”

Joshua li reġa’ kiseb it-titli WBA, WBO  u IBF wara rebħa unanima kontra Andy Ruiz Jr, kellu jiġġieled kontra Pulev f’Ottubru tal-2017 f’Cardiff iżda l-Bulgaru rtira mill-ġlieda minħabba li weġġa’ spalltu. Pulev kien sfida għat-titlu dinji heavyweight tal-IBF fl-2014 iżda kien tilef kontra Wladimir Klitschko f’Hamburg fil-ħames rawnd.