Lokali Parlament

Qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni fuq il-Liġi dwar is-Saħħa Pubblika

Il-Gvern jirrikonoxxi l-intenzjoni tajba tal-Oppożizzjoni li ressqet emendi biex il-liġi tissaħħaħ

Il-Gvern u l-Oppożizzjoni qablu fil-parlament dwar emendi għal-Liġi li jemenda l-Att dwar is-Saħħa Pubblika biex is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika jkollha diversi poteri quddiem din il-kriżi tal-corona virus.

Dan l-Att tressaq f’seduta waħda bi qbil mal-Oppożizzjoni biex jgħaddi mill-istadji kollha. Fid-dibattitu d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kkritika dan l-abbozz għax kien se joħloq diffikultajiet legali. Fi tmiem id-dibattitu, saret laqgħa bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li l-Gvern jifhem li l-emendi tal-Oppożizzjoni qed isiru biex il-liġi tissaħħaħ u b’intenzjoni tajba. Għalhekk kien qed qbil u l-Gvern lest li l-emendi tal-Oppożizzjoni jkunu diksussi fi stadju ieħor.

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li wara l-pożizzjoni li qed jieħu l-Gvern, l-Oppożizzjoni kienet se tivvota favur l-emendi tal-Gvern.

Il-liġi tispeċifika li l-pieni jitħallsu fil-ħin bħala piena amministrattiva u li l-Ministru tas-Saħħa jkollu s-setgħa li jgħajjat stat ta’ emerġenza jekk ikun hemm ħtieġa ta’ saħħa pubblika.

Jason Azzopardi qal li l-President se jkollu l-poter li jagħmel ir-regolamenti fil-kuntest anki tas-saħħa pubblika; din se tiftaħ kanċell. L-Oppożizzjoni qed taqbel fil-kuntest taċ-ċirkostanzi gravi ta’ bħalissa iżda qed tappella lill-Gvern biex jkunu pubblikati regolamenti minħabba l-poter li se jkun qed jingħata l-Prim Ministru; li se jkun jista’ jaġixxi ta’ imperatur. Għandu jkun hemm tarsparenza u limiti għal meta tinħareġ proklama ta’ dan it-tip, sostna Jason Azzopardi.