Coronavirus Lokali Saħħa

Sejħa għall-bini ta’ sptar temporanju; St Luke’s ma jistax jintuża

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika tikkonferma: "St Lukes mhux fi stat li jintuża"

Il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, l-FMS għamlet sejħa għall-bini ta’ sptar prefabricated li jkun jakkomoda sa 90 pazjent u ħaddiema tal-isptar. Is-sejħa feħet illum u tagħlaq nhar il-Ħamis.

Minkejja li dan x’aktarx qed isir fid-dawl tal-imxija tal-Covid-19, imkien fis-sejħa ma ssir referenza għal dan il-virus.

Fl-aħħar ġimgħat kien qed jgħid li pajjiżna hu ppreparat għan-numru ta’ pazjenti se jkollhom bżonn trattament għal dan il-virus u li hemm biżżejjed sodod għalihom, b’sodod f’Mater Dei, oħrajn fl-Isptar Sir Paul Boffa u oħrajn fi sptarijiet oħra privati. Madankollu issa saret sejħa għall-provvediment ta’ sptar temporanju. Is-sejħa titlob li dan l-isptar ikun lest sa tmien ġimgħat oħra.

Sptarijiet simili għal dan inbnew f’Wuhan, dak li kien l-epiċentru tal-firxa tal-virus fiċ-Ċina.

Il-Gvern ser ikollu jidħol għal din in-nefqa żejda biex jipprovdi aktar sodod għall-Maltin u l-Għawdxin minkejja li pajjiżna għandu sptarijiet oħra li setgħu intuża fi kriżi ta’ din it-tip. Madankollu, dan ma setax isir minħabba l-istat ta’ telqa li tħallew fih dawn l-isptarijiet.

Dan kien ikkonfermat mill-istess Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci tul konferenza tal-aħbarijiet aktar kmieni llum, fejn qalet li St Lukes ma setax jintuża minħabba l-istat li qiegħed fih.

L-Isptar St Lukes, flimkien ma’s l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex kienu ingħataw lil Vitals Healthcare u sussegwentement lil Steward Healthcare aktar minn tlett snin ilu. Sa issa, pero, dawn baqgħu ma għamlu ebda investiment fl-isptarijiet tal-Maltin, li mit-taxxi tagħhom hallsu l-għexieren tal-miljuni. Dan wassal biex issa l-Maltin se jkollhom joħorġu aktar miljuni għall-bini ta’ dan l-sptar temporanju biex jintuża fil-kriżi preżenti.

Intant dan l-isptar għandu jkollu fih klinika ta’ emerġenza, żona ta’ triage, sitt swali tal-kura intensiva b’60 sodda, żewġ swali b’24 sodda għal pazjenti b’dipendenza għolja, kmamar għat-tobba u l-istaff mediku, kamra tal-X-Ray u tal-isterilizzazzjoni, spiżerija, kċina għal madwar 120 ħaddiem u sala tal-ikel.

L-isptar se jkollu wkoll kamra mortwarja.

L-istruttura trid tibda topera fi żmien tmien ġimgħat mid-data tal-konferma tal-ordni. L-irħas sejħa li tissodisfa l-kriterji kollha tieħu l-kuntratt.

F’każ li l-isptar ma jibdiex jopera fid-data stipulata tidħol fis-seħħ multa ta’ €50,000 għal kul jum li jittardja l-operat.