Coronavirus Lokali Saħħa

19-il każ ġdid ta’ COVID-19 f’Malta; it-total jitla’ għal 129

Fost dawn hemm anzjan ta' 81 sena li qed jinżamm l-Isptar Mater Dei għal iktar kura

Fl-aħħar 24 siegħa kien hemm 19-il każ ta’ persuni li ttestjaw pożittiv għall-coronavirus. Dan hekk kif issa t-total ta’ każi f’Malta jitla’ għal 129.

Saru 488 swabs fl-aħħar 24 siegħa. B’kollox s’issa saru 3819 swabs.

F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Supritendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci saħqet li minn dawn id-dsatax-il każ ġdid, 8 huma relatati ma’ safar. Erba’ każijiet mill-Ingilterra, waħda minn Spanja, 2 każi relatati ma’ xulxin li ġew mill-Awstrija, u każ ta’ mara Maltija li marret Poland.

Mid-19-il każ ġdid, kien hemm 3 każi lokali li kienu relatati ma’ każi li diġà kienu pożittivi.

7 huma ta’ trażmissjoni lokali li ma kellhom ebda kuntatt. Dawn jinkludu raġel Malti ta’ 27 sena, Taljan ta’ 38 sena, healthcare worker Malti ta’ 24 sena u ieħor Ċiniż ta 33 sena, Malti ta’ 47 sena, mara Maltija ta’ 60 sena u anzjan ta’ 81 sena li qiegħed jinżamm l-Isptar Mater Dei fl-IDU fejn il-kundizzjoni tiegħu hija stabbli.

Intant, il-Professsur Gauci qalet li l-anzjan ta’ 61 sena għadu qed jinżamm l-ITU, fejn il-kundizzjoni tiegħu hija waħda instabbli iżda mhux f’qagħda kritika.