Futbol Sport

Biex nikber fil-karriera, kien jagħmel aktar sens nibqa’ nilgħab fil-Kampjonat Premier – Jacob Walker, difensur ta’ Santa Lucia

(Ritratt: Joe Borg)
L-intervista tinsab fil-ħarġa tal-lum ta' In-Nazzjon

Stewart Said

Fl-età ta’ 22 sena diġà lagħab aktar minn 100 logħba fil-Kampjonat Premier. Plejer li ma jkunx fl-aħbarijiet il-ħin kollu. Jista’ jkun minħabba l-fatt li jilgħab difensur fuq in-naħa leminija imma żgur li fil-ħames staġun fl-ogħla diviżjoni, tejjeb lilu nnifsu biex illum hu għażla regolari fit-tim mimli żgħażagħ ta’ Santa Lucia.

Dan hu Jacob Walker, il-plejer li għandu l-għan li jilgħab barra minn Malta, iżda qed jieħu kollox pass wara pass biex meta jasal iż-żmien, jieħu l-opportunità. L-għan realistiku għalih hu li jirbaħ il-kampjonat f’pajjiżna u jilgħab fil-kompetizzjonijiet Ewropej. Dan minbarra li jagħti importanza kbira, kif jilgħab hu. “Għalija dejjem nieħu pjaċir niffoka fuq nnifsi, jiġifieri ma nilgħabx biss għat-tim imma nissielet biex inżomm posti wkoll.

F’dan il-mument, l-eks plejer ta’ St. Andrews iħoss li hawn plejers żgħażagħ Maltin li meta jasal iż-żmien tagħhom, ikollhom l-opportunità ġusta għalihom. Hu favur il-ħsieb tal-MFA li jkun hemm tim Malti fis-Serie C Taljana għaliex iħoss li jgħinhom aktar biex jilagħbu f’kampjonati oħra madwar l-Ewropa. Jekk dan il-proġett iseħħ, jista’ jwassal għal żieda fil-plejers barranin f’pajjiżna. Iżda Walker ma jħossx li dan iħalli effett fuqu għaliex iħoss li fil-ġurnata, il-plejers Maltin jistgħu jkunu tajbin daqs il-plejers barranin li jiġu f’pajjiżna.

L-influwenza ta’ missieru

Jacob Walker hu iben l-eks plejer ta’ Sliema, Hibernians u Marsaxlokk Roger Walker. Dan ovvjament wassal biex Jacob seta’ jagħżel it-triq tiegħu biex jibda jilgħab il-futbol. Staqsejtu jekk il-fatt li missieru lagħab fil-Kampjonat Premier, ipoġġix aktar pressjoni fuqu. “Forsi fil-bidu kien hemm pressjoni imma naħseb li stabbilixxejt ruħi f’Malta. Lgħabt ukoll mat-tim nazzjonali, xi ħaġa li hu ma għamilx.

Il-plejer ta’ 22 sena kkonferma li jkollu diskursati ma’ missieru dwar il-prestazzjonijiet tiegħu. “Dejjem ikun iebes miegħi meta ma nilgħabx tajjeb. Normalment nitkellmu biss dwar l-affarijiet il-ħżiena imma dejjem ikollna diskussjonijiet u dejjem nitkellmu kif nista’ nitjieb, x’kelli nagħmel hemm u x’kelli nagħmel hawn. Jien fortunat li għandi xi ħadd bħalu li nista’ nkellmu dwar il-futbol u mhux biss fuq il-futbol imma b’mod ġenerali.”

(Ritratt: Joseph Galea)

Il-vjaġġ ta’ aktar minn 15-il sena ma’ Luxol St. Andrews

Meta Jacob Walker beda jilgħab il-futbol kien għad kellu ħames snin biss. Hu kiber mal-klabb, lagħab fil-kategoriji kollha u meta fis-sajf li għadda ħalla l-klabb, kellu kważi 22 sena. Hu jitkellem b’sodisfazzjon għal dan il-vjaġġ twil li rah jidħol fil-klabb bħala tifel u telaq bħala raġel. “Tgħallimt ħiliet differenti u mhux biss fil-pitch imma barra l-pitch, stil ta’ ħajja ta’ futbol minn kowċis Maltin u barranin u għalhekk kienet esperjenza tajba għalija u kuntent ħafna li lgħabt ma’ Luxol fil-passat.”

Walker għamel id-debutt mal-klabb fl-Ewwel Diviżjoni kif ukoll fil-Kampjonat Premier u fl-erba’ staġuni tal-klabb fl-ogħla diviżjoni, spiċċa plejer regolari. Minħabba li l-klabb ġie relegat fi tmiem l-istaġun li għadda, Walker kellu konverżazzjoni mal-klabb. Hu ħass li biex ikompli jikber fil-karriera tiegħu, kien jagħmel aktar sens li jibqa’ fil-Kampjonat Premier milli jinżel diviżjoni.

(Ritratt: Trevor Sollars)

Id-deċiżjoni biex jingħaqad ma’ Santa Lucia

Fis-6 ta’ Lulju li għadda, Jacob Walker tħabbar bħala plejer ta’ Santa Lucia. Hu kellu offerti minn klabbs oħra iżda għażel lil Santa Lucia wara li anki baqa’ impressjonat kif il-klabb kiseb tliet promozzjonijiet konsekuttivi biex għall-ewwel darba tela’ fil-Kampjonat Premier. “Kont veru kuntent bil-kumitat, il-kowċ u l-merħba li ngħatajt u għalhekk kien faċli biex nagħżel lil Santa Lucia.” L-għan ta’ Santa Lucia hu żgur li jżommu posthom fil-Kampjonat Premier. Hu jemmen li bil-mod kif kienu qed jilagħbu u r-riżultati li kienu qed jiksbu għandu jkun ottimist.

“Naħseb għandna l-aqwa opportunità biex nilħqu l-ogħla livell jekk mhux dan l-istaġun, l-istaġun li jmiss. Aħna dejjem ikollna l-objettivi tagħna u nittama li dan l-istaġun nilħqu l-ewwel għan.” Walker tenna l-kuntentizza li għandu mal-klabb il-ġdid, b’referenza speċjali għall-kowċ Oliver Spiteri. Id-difensur laterali qal li l-kowċ qed jagħtih dak li ried, jiġifieri li jilgħab kemm jista’ jkun. Ta’ dan hu grat u jittama li hu flimkien mat-tim, iħallsuh lura biex jekk il-kampjonat ikompli, jirnexxilhom isalvaw biex anki jkun rigal għall-kumitat u l-kowċ.

(Ritratt: Joe Borg)

Il-karriera ta’ Jacob Walker sa issa

Jacob Walker għamel id-debutt mat-tim ewlieni ta’ St. Andrews fis-6 ta’ April tal-2014. Dakinhar fl-età ta’ 16-il sena, kien daħal bħala sostitut meta kienu 1-0 minn taħt kontra Żebbuġ Rangers. St. Andrews dawru r-riżultat fl-aħħar minuti u spiċċaw rebbieħa, fi staġun meta Żebbuġ Rangers kisbu l-promozzjoni. Fl-istaġun ta’ wara, St. Andrews kisbu l-promozzjoni u b’hekk fl-istaġun 2015/16 għamel id-debutt fil-Kampjonat Premier. L-ewwel esperjenza tiegħu kienet fil-21 ta’ Awwissu fl-2015 fit-telfa ta’ 3-0 kontra Valletta meta dakinhar daħal bħala sostitut, logħba li żgur tibqa’ memorabbli għalih.

Fit-tliet staġuni ta’ wara, Jacob Walker stabbilixxa ruħu bħala plejer regolari u importanti fit-tim ta’ St. Andrews li baqa’ jilgħab fil-Kampjonat Premier. L-istaġun li għadda huma ġew relegati u Walker kellu offerti biex jibqa’ jilgħab fl-ogħla diviżjoni. Hu ddeċieda li jingħaqad ma’ Santa Lucia, klabb li miegħu baqa’ regolari u anki rnexxielu jgħaqqad il-100 logħba fil-Kampjonat Premier fis-7 ta’ Diċembru li għadda, fit-telfa ta’ 2-0 li Santa Lucia kellhom kontra Floriana.