Ambjent Coronavirus Lokali

Bosta raħħala, bdiewa u sajjieda jħossuhom minsija mill-Gvern f’dan iż-żmien ta’ inċertezza – PN

Il-PN qed jisma’ lir-raħħala u sidien ta’ rziezet tat-tiġieġ li fil-preżent naqsilhom is-suq tal-bejgħ tal-bajd u t-tiġieġ prinċipalment għaliex issa tilfu l-bejgħ lil-lukandi u restaurants. In-nuqqas ta’ bejgħ ifisser nuqqas ta’ dħul biex jagħmel tajjeb għall-ħlas tal-ispejjeż, liema spejjeż dejjem jiżdiedu.

Fi stqarrija mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Self Employed, in-Negozji ż-Żgħar, l-Koperattivi, l-Biedja u s-Sajd Edwin Vassallo, il-PN qal li s-sajjieda wkoll qed jilmentaw li bħalissa ħerġin minn żmien ta’ closed season fejn kienu miżmuma milli jistadu għall-pixxispad u s-sajd tat-tonn għad irid jibda. Dan ifisser li dan iż-żmien diffiċli, is-suq għas-sajjieda qed jiġi wara closed season fejn diġà ma kinux qed jaqbdu ħut u ma kellhomx dħul. Dan iż-żmien li qed ikun diffiċli fuq kulħadd, se jkun ferm aktar diffiċli fuq is-sajjieda.

Il-bdiewa wkoll qed iwasslu l-ilmenti tagħhom għaliex f’dawn iż-żminijiet qed jogħlew l-ispejjeż speċjalment għal dawk il-bdiewa li speċifikament kienu jispeċjalizzaw fit-tkabbir tal-mushrooms. Dawn spiċċaw b’suq magħluq u għalhekk sabu lilhom infushom miftuħa biss biex iħallsu l-ispejjeż bla ma għandhom bejgħ. Bejjiegħa tal-laħam ukoll ilmentaw minn żieda fl-ispejjeż tal-biċċerija u wasslu biex il-prezz tal-kunsumatur kellu jogħla minħabba spiża tal-gvern.

Il-PN jinnota li l-ilment ġenerali ta’ dawn kollha, inklużi dawk li joperaw fis-suq tal-biedja u s-sajd, kien li qed jitolbu lill-gvern għajnuna maħsuba għal dawn is-setturi. Jeħtieġ li l-gvern ma jibqax jabbanduna lil dawn is-setturi u jara li jiżgura futur għal dawn l-oqsma.

Il-PN jemmen li pajjiżna ma jistax jgħaddi bla bdiewa, raħħala u sajjieda. Għalhekk il-PN qed jisħaq li dawk kollha li qed jaħdmu f’dawn l-oqsma ta’ xogħol għandhom ikunu offruti pakketti ta’ għajnuna maħsuba speċjalment għalihom. Il-PN qiegħed iressaq dawn is-suġġerimenti sabiex bħala pajjiż nassiguraw li l-poplu tagħna ma jitlifx lil dawn kollha li jaħdmu bħala bdiewa, raħħala u sajjieda. Mingħajr dawn in-nies, il-poplu tagħna jitlef il-provista tal-ikel frisk u nispiċċaw niddependu biss fuq l-ikel impurtat.