Internazzjonali

Coronavirus: L-Indja tinsab f’lockdown totali wara żieda fl-infezzjonijiet

Il-Prim Ministru tal-Indja, Narendra Modi, impona lockdown effettiv għall-pajjiż kollu f’tentattiv biex inaqqas il-firxa tal-coronavirus. L-Indja, li għandha popolazzjoni ta’ 1.3 biljun, b’hekk qed tissieħeb ma’ lista li qed tiżdied ta’ pajjiżi li imponew miżuri simili.

Ir-restrizzjonijiet se jkunu infurzati għal 21 jum u fejn in-nies qed ikunu ‘assolutament ipprojbiti’ milli joħorġu minn djarhom.

Intant, u waqt li Modi appella biex in-nies ma jintilfux fil-paniku, il-folol ma tilfux żmien biex jippakkjaw il-ħwienet fil-kapitali Delhi u bliet oħrajn.

Dan waqt li l-osservaturi qalu li mhux ċar kif — jew ‘jekk’ – in-nies, minn issa, humiex se jitħallew joħorġu biex jixtru l-ikel u affarijiet essenzjali oħra.

L-aħħar miżuri qed isegwu żieda qawwija ta’ infezzjonijiet bil-Covid-19 fl-aħħar jiem. L-Indja għandha 519 il-każ ikkonfermat, b’għaxar imwiet irrappurtati.