Kummerċ Lokali

Direttivi mill-Bank Ċentrali biex persuni kemm jista’ jkun ma’ jżurux il-banek

Wara l-pariri mogħtija mill-awtoritajiet tas-saħħa biex kemm jista’ jkun persuni jibqgħu d-dar, il-Bank Ċentrali ta’ Malta ħareġ direttiva fuq miżuri mportanti li jikkonċernaw iċ-ċekkijiet u li dan se jagħti l-aċċess biex kemm jista’ jkun persuni ma jmorrux il-fergħat tal-banek u d-diversi servizzi finanzjarji. Dan billi jsiru depożiti tagħhom permezz ta’ terzi persuni fdati minnhom.

Il-miżuri ġew introdotti wara konsultazzjoni ma’ banek kummerċjali bħala miżura temporanja għal waqt il-pandemija ta’ Coronavirus. Dan ifisser li ċertu restrizzjonijiet se jidħlu fis-seħħ mill-Ħamis, 26 ta’ Marzu.

Din id-direttiva hija mmirata li s-servizzi tal-bank jinżammu għal dawk essenzjali fil-kommunità u għalhekk l-aspetattivi minn naħa tal-banek kummerċjali u istituzzjonijiet finanzjarji tas-servizz li jkunu fil-limitu possibbli.

L-aktar bidla mportanti fl-effett tal-użu taċ-ċekkijiet hija li ma hemmx għalfejn ikun hemm depożitu dirett mill-benefiċċjarju. Għaldaqstant dawk iċ-ċekkijiet immarkati “only”, sakemm joħroġ avviż ieħor jistgħu jiġu depożitati minn xi ħadd tal-fiduċja tal-persuna li jkollha ċ-ċekk. Dan jista’ jsir b’żewġ modi. Jista’ jew jiddepożita ċ-ċekk fil-kont jew fil-kont tal-persuna fdata, permezz tal-ATM.

Dawn il-miżuri hija mmirata biex tgħin lill-persuni li jew ma jistgħux joħorġu mid-dar, jew li kienu ngħataw parir biex jibqgħu ġewwa mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Bażikament, dan se jipprovdi rimedju għal sezzjoni tal-popolazzjoni li jieħdu l-benefiċċji soċjali, li jinkludu pensjonijiet, fil-forma ta’ ċekk mill-Gvern.

Id-Direttiva l-ġdida tikkonsidra wkoll it-tħassib tal-banek kummerċjali fir-rigward tas-saħħa tal-impjegati tagħhom, u tenfasizza dwar l-użu tal-ATMs sabiex jitnaqqas in-numru tal-persuni li jinqdew bis-servizzi over-the-counter.

Peress li jista’ jkun li l-banek ikunu qegħdin joperaw b’riżorsi limitati, l-ammont ta’ żmien meħud sabiex jiġu kklirjati ċ-ċekkijiet u l-kambjali ġie estiż temporanjament minn tlett ijiem għal massimu ta’ sitt ijiem, filwaqt li ċ-ċiklu tal-ħlas ta’ depożiti fi flus kontanti jista’ jieħu tlett ijiem.

Sabiex jitnaqqas in-numru ta’ klijenti fil-fergħat, il-banek kollha huma awtorizzati li jirrestrinġu l-ġbid tal-flus kontanti over-the-counter minn kont ta’ depożitu assoċjat ma’ kard ta’ pagament biss jekk l-ammont jaqbeż il-€500.

Sadattant, il-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji jridu jipprovdu servizzi ta’ depożiti ta’ flus kontanti over-the-counter għal dawk il-klijenti kollha li m’għandhomx aċċess alternattiv ieħor bħall-ATMs. Madankollu, il-klijenti f’din il-kategorija huma mitluba li jingħataw aċċess għal alternattivi bħal dawn offruti mill-komunità tas-servizzi finanzjarji.

Dawn huma ftit mill-miżuri meħudin mill-istituzzjonijiet fis-settur finanzjarju sabiex jappoġġjaw l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa sabiex jitnaqqas il-ħruġ tan-nies minn djarhom, u sabiex jinżamm it-tbegħid soċjali. Il-banek ukoll żiedu l-limiti għal €50 għal-kards mingħajr kuntatt bla awtentikazzjoni.