Coronavirus Ekonomija Kummerċ Lokali

“Gvern reattiv u selettiv” – Adrian Delia

Bit-tielet pakkett ta' għajnuna li ngħata tard u mhux biżżejjed

“Dan huwa t-tielet pakkett ta’ għajnuna mill-Gvern, li qed ikun selettiv u jirreagixxi tard wisq għat-tbatijiet u t-tħassib tan-nies, u kontra kull impressjoni li prova jagħti Robert Abela dan il-pakkett ingħata għaliex it-tieni wieħed li ħareġ sitt ijiem ilu ġie rifjutat minn kulħadd u ma kienx se jsalva l-impjiegi.”, hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia waqt konferenza tal-aħbarjiet.

Gvern reattiv mhux proattiv li kellu jbiddel id-diska. Adrian Delia qal li sitt ijiem ilu, Robert Abela ried jitfa’ piż żejjed fuq min ma jiflaħx iġorru u ried li l-ħaddiema u l-imprendituri jġorru il-piż kollu huma u jiddejnu biex jagħmlu tajjeb għall-kroll tal-ekonomija. Dan meta Robert Abela u Edward Scicluna qalulna li l-pakkett ta’ sitt ijiem ilu kien aħjar minn dak li qed joffru ħafna pajjiżi Ewropej u Silvio Schembri qalilna li issa huwa ż-żmien li l-kumpaniji, li skontu għamlu profitti kbar fl-ahhar snin, jagħtu lura lis-soċjetà. Dr Delia qal li lbieraħ il-Gvern kellu jbiddel id-diska tiegħu u għamel u-turn għaliex kulhadd qallu  li mhux qed jifhem is-sitwazzjoni u d-diffikultajiet li min iħaddem u l-ħaddiema kienu qed jgħaddu minnhom.

Adrian Delia qal li minħabba li l-Gvern aġixxa tard wisq diġà kien hemm kumpaniji li laħqu taw is-sensji u ħaddiema li tilfu x-xogħolhom, tant li Robert Abela stess kellu jammetti li l-miżuri tal-bieraħ huma backdated minħabba s-sensji. It-tkaxkir tas-saqajn tal-Gvern wassal biex għal telf ta’ impjiegi, stress u piż fuq il-familji Maltin u Għawdxin. Huwa qal li din ir-reazzjoni tard min-naħa tal-Gvern hija simili għal meta l-Oppożizzjoni kienet qegħda tgħid li kellu jingħalaq l-ajruport, fi żmien meta l-każijiet rappurtati tal-COVID-19 f’pajjiżna kienu każijiet impurtati. 

Pakkett selettiv li mhux se jolqot ħafna ħaddiema. Il-Kap tal-PN qal li fit-tieni pakkett il-Gvern kien offra 20% tal-paga medja u issa se joffri 50% tal-paga medja għal 60,000 impjegat, meta f’pajjiżna hawn ‘il fuq minn 172,000 impjegat fis-settur privat. Dan ifisser li hemm iżjed minn 110,000 ħaddiem li mhux se jingħataw l-għajnuna u meta hawn kważi 25,000 self-employed, mill-kalkoli tal-PN, jirriżulta li 7,000 biss se jgawdu mill-miżuri li tħabbru lbieraħ. Huwa qal li l-Gvern reġa’ ma ta l-ebda komfort meta jew x’tip ta’ għajnuna se jagħti lil dawn il-ħaddiema.

Adrian Delia qal li l-Gvern naqas ukoll milli jwieġeb x’qed iżommu milli jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, meta bħalissa l-prezz taż-żejt qiegħed fl-iktar livell baxx li qatt niżel fih fl-aħħar snin. Huwa qal li din hija mistoqsija leġittima u li Robert Abela għandu l-obbligu li jwieġeb u jgħid x’qed jorbot idejn il-Gvern milli jraħħas il-kontijiet sabiex igawdu l-familji Maltin u Għawdxin. Robert Abela jgħid li qed ifittex l-għaqda imbagħad ikun partiġġjan, u bl-imsieħba soċjali warajh, jitkellem dwar il-partiti u l-partiġġjaniżmu meta l-Oppożizzjoni sa mill-bidunett qalet li lesta li tgħin u qed toħroġ kuljum bi proposti konkreti. Dan minkejja li l-Prim Ministru qed jirrifjuta li jinkludi lill-Oppożizzjoni madwar il-mejda tad-diskussjonijiet.

Let’s rise above politics. Adrian Delia qal li dan mhux iż-żmien tal-politika partiġġjana iżda huwa ż-żmien tal-poplu u tan-nazzjon. L-Oppożizzjoni se tkompli taħdem b’mod kontinwu sabiex fl-interess nazzjonali nassiguraw li ħadd f’pajjiżna ma jerfa’ piż iżjed milli jiflaħ. Kuljum il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jiltaqa’ mas-settur differenti tas-soċjetà u ekonomiċi biex jibqa’ jisma’ t-tbatijiet u d-diffikultajiet ta’ min iħaddem, il-ħaddiema, s-self employed u n-negozji ż-żgħar sabiex nagħtu s-sapport biex ma jkunx hawn iżjed telf ta impjiegi. Il-Gvern għandu jħares lejn kulhadd b mod komprensiv u mhux aktar selettiv.

Flimkien mal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia matul din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm preżenti wkoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario de Marco, l-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar l-Ekonomija, s-Servizzi Finanzjarji u l-Innovazjoni Kristy Debono, l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Benesseri tal-Familja, s-Solidarjetż  Soċjali, l-Pensjonijiet, id-Drittijiet tat-Tfal u tat-Tarbija fil-Ġuf Claudio Grech u d-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo.