Kummerċ Lokali

Il-Bank of Valletta b’impenn biex jappoġġa l-klijenti tiegħu

Il-Bank of Valletta huwa impenjat bis-sod biex ikompli jagħti appoġġ lill-klijenti tiegħu li qed jintlaqtu ħażin minħabba x-xenarju attwali tal-COVID-19, kemm jekk dan qed ikollu effett fuq l-impjieg tagħhom jew l-attività kummerċjali.

Wara li dan l-aħħar il-Bank nieda numru ta’ inizjattivi bil-għan li jipprovdi għajnuna lin-negozji milquta, il-Bank of Valletta qedi ikompli jintroduċi aktar miżuri immirati biex jgħin u jagħti sapport lill-klijenti personali f’dawn iż-żminijiet.

Il-BOV qal li dawn il-miżuri jinkludu fost oħrajn: Moratorju fuq pagamenti fuq self – Moratorju ta mhux inqas minn 3 xhur kemm fuq il-kapital kif ukoll fuq l-imgħax se jiġu applikati għal self għad-dar kif ukoll fuq self personali. It-tul tal-moratorju se jinħadem fuq bazi personali skont is-sitwazzjoni u l-bżonnijiet tal-klijent.

Hemm ukoll żidiet fil-limiti ta’ Overdraft u Credit Cards – Għajnuna wkoll se tingħata biex taqdi l-bżonnijiet finanzjarji għal perjodu qasir permezz ta’ żidiet temporanji fil-limiti tal-overdrafts u Credit Cards, sakemm il-klijent jilħaq il-kriterji ta’ eliġibilità u dan mingħajr ebda charges addizzjonali;

Tneħħija ta’ Charges – L-ebda charge mhi se tiġi imponuta fuq skedar ġdid ta’ self għad-djar u self personali. Se jitwaqqgħu ukoll miżati fuq pagamenti fuq credit cards li jsiru tard;

Estensjonijiet fuq Ġbid u Użu ta’ Faċilitajiet ta’ Kreditu – il-Bank mhux se jimponi charges fuq estensjonijiet biex jinġibdu jew jiġu użati fondi fuq self. Dawn l-estensjonijiet japplikaw ukoll fuq faċilitajiet ta’ self li għandhom rata ta’ imgħax fissa.

Dawn il-miżuri se jkomplu jsostnu l-impenn tal-Bank of Valletta lejn il-klijenti tiegħu sabiex jipprovdi aġġoġġ u serħan tal-moħħ f’dawn iż-żminijiet mingħajr preċedent.

Il-klijenti li għandhom bżonn aktar dettalji dwar dawn il-miżuri huma ġentilment mitluba biex ma’ jżurux il-fergħat tal-Bank iżda jibagħtu imejl fuq info@bov.com b’dettalji dwar it-talba tagħhom, in-numru tal-karta’ tal-Identita’, in-numru tal-mowbajl u l-fergħa tal-Bank minn fejn jinqdew.

L-Uffiċjali tal-Bank imbagħed jikkuntattjahom biex jipprovdu l-għajnuna meħtieġa. Il-klijenti jistgħu ukoll jċemplu fuq 2275 3500, mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8.00am sal-4.00pm. Rikjesti mibgħuta permezz ta’ email jinqdew iktar malajr. Aktar informazzjoni u aġġornamenti tal-BOV fuq COVID-19 jistgħu jinstabu fuq is-sit https://bov.com/content/covid-19-bov-updates.