Lokali Parlament

Il-Gvern irreaġixxa biss wara kritika qawwija mis-setturi kollha

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sostna li l-Gvern irreaġixxa biss bit-tielet pakkett finanzjarju fi 11-il ġurnata wara li kellu kritika qawwija mill-imsieħba soċjali kollha.

Fil-parlament il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Oppożizzjoni għandha pożizzjoni li taqbel mal-imsieħba soċjali fejn il-ġid joħolqu l-ħaddiem u mhux il-Gvern. Issa anki l-Prim Ministru qed jirrikonoxxi dan, sostna Adrian Delia, li qal li esponenti tal-Gvern kienu qed jistigaw il-gwerra tal-klassi.

Il-Prim Ministru issa qed jgħid li ma jistax jinjora li fil-pajjiż hawn il-Maltin u l-barranin li jikkontribwixxu għall-ekonomija iżda dan wara li l-Ministru tal-Ekonomija aktar kmieni kien qal li se jitkeċċew il-barranin li jiġu bla xogħol.

Il-Prim Ministru issa irrikonoxxa li jrid isir dak kollu possibbli bla ma nħarsu lejn il-bilanċi finanzjarji bħas-soltu. Issa l-Prim Ministru ammetta wkoll li dan il-virus bidel id-dinja fil-kunċett soċjo-ekonomiku. Kien negattiv li l-Prim Ministru nnifsu daħħal il-politika partiġġjana billi attakka lill-ġurnalisti u nfexx f’diskors partiġġjan; mhux se naqa’ f’dak il-livell, sostna Adrian Delia.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li l-Gvern waħdu mhux se jirbaħ din it-theddida iżda l-pajjiż irid ikun magħqud kollu. Il-Prim Ministru hu reattiv bi Gvern selettiv; din hi kritika kostruttiva biex il-pajjiż jifhem x’għandu bżonn biex ma jittieħdux deċiżjonijiet tard.

Adrian Delia kompla li fi 11-il ġurnata l-Gvern għamlet tliet pakketti finanzjarji bl-ewwel wieħed ikun biss kwarantina. L-ewwel reazzjoni tal-Gvern kienet li l-piż jintrefa’ min-negozji.

Il-Gvern kien reattiv għaliex qal li t-tieni pakkett kien l-aqwa mill-pajjiżi kollha u qalu li kien pakkett ġeneruż iżda wara kritika qawwija mis-setturi kollha, il-Gvern irreaġixxa bit-tielet pakkett. Kieku ma sarx dan il-pakkett, illum hawn eluf kbar ta’ ħaddiema bla xogħol. Il-Gvern kien reattiv għaliex il-Ministru Silvio Schembri kien qal li n-negozji jridu jagħmlu tajjeb għas-sitwazzjoni.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li issa l-Gvern qed jirrikonoxxi li hemm min diġà spiċċa bla xogħol. Il-Gvern dam biex jagħlaq it-titjiriet li kellu jagħlaq biex wara irriżulta li l-virus daħal mit-titjiriet li l-Oppożizzjoni appellat biex jingħalqu.

Il-Gvern hu selettiv għax qed jagħżel min għandu jieħu ftit u min ma jieħu xejn. Hemm minn se jieħu inqas minn €150 għall-ħaddiem fix-xahar waqt li hemm ħafna iktar li m’huma se jieħdu xejn.

Adrian Delia qal li t-tielet pakkett se jitla’ għal 60,000 ħaddiem li issa se jieħdu 50% tal-paga medja iżda tħallew barra 110,000 ħaddiem. Il-Gvern għandu għall-inqas jiddikjara li se jkun qed jgħin lil dawn is-setturi; dan qed joħloq inċertezza u telf ta’ impjiegi.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem dwar 25,000 negozji li minnhom se jkunu milquta biss 7,000 mill-pakkett finanzjarju. L-oħrajn se jkunu mgħejjuna? staqsa l-Kap tal-Oppożizzjoni, li kompla li l-Gvern mhux jispjega dwar il-garanziji li jammontaw għal €9 miljuni. Għad m’hemmx struzzjonijiet kif jistgħu jittieħdu dawn id-€9 miljuni minħabba li l-proċessi għadhom lanqas bdew. Għal min ried il-Gvern ħafer il-garanziji, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, li sostna li dak li seħħ fis-settur tas-saħħa hu immoralità.

Il-Gvern qed jitkellem fuq il-karti iżda l-poplu qed jgħix ir-realtà.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li se jwaqqaf kumitat tekniku biex jaħdem fuq ir-raba’ pakkett finanzjarju u kompla li dan mhux serħan il-moħħ tal-familji Maltin. Hu kkwota dak li qed jingħad f’pajjiżi barranin fejn il-Gvern qed jiddikjara li ħadd m’hu se jitlef flus mill-corona virus; fost dawk hemm Franza u l-Ġermanja.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li l-Gvern għandu jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma b’50% għaliex il-pajjiż se jiffranka €70 miljun; il-Gvern għandu jikkunsidra li parti minnhom itiehom lill-ħaddiema. Hu qal li s-€70 miljun iffrankaw dawk li qed jipproduċu l-enerġija u staqsa lill-Prim Ministru jekk jistax iraħħas id-dawl u l-ilma għaliex il-Gvern ta d-deċiżjoni lill-barranin.

Il-Kap tal-PN semma’ s-settur tas-saħħa u qal li żewġ terzi tat-tobba naqsu iżda l-ispejjeż żdiedu; dawn jinsabu fuq il-front u għandhom ikunu mgħejjuna. Hu rringrazzja lil dawk kollha li qed jaħdmu f’dan il-mument fis-settur mediku.