Lokali Parlament

Il-Gvern jivvota kontra l-ħatra ta’ Kummissarju bl-approvazzjoni minn żewġ terzi tal-parlament

Fil-Kumitat għall-Kunsiderazzjoni tal-Liġijiet, il-Gvern ivvota kontra proposta tal-Oppożizzjoni biex il-Kummissarju tal-Pulizija jinħatar minn ħewż terzi tal-parlament.

Kien id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami li ppropona li l-Kummissarju tal-Pulizija jkun magħżul wara li jkun approvat biż-żewġ terzi tad-deputati tal-parlament u li biex jitneħħa wkoll irid ikun iż-żewġ terzi tad-deputati. Hu qal li l-Oppożizzjoni temmen li f’dan il-mument il-pajjiż irid jibgħat il-messaġġ li jrid ikun hawn qbil dwar il-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-PN qed jipproponi li meta l-persuna tkun approvata mill-Kumitat għall-Ħatriet Pubbliċi, il-persuna jkun maħtur mill-President u mhux mill-Prim Ministru wara li jkun hemm l-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tad-deputati. L-istess prinċipju qed jintuża wkoll biex jitneħħa l-Kummissarju tal-Pulizija.

Il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri qal li l-Gvern ma jaqbilx mal-Oppożizzjoni għaliex temmen li l-involviment tal-politiċi għandu jonqos. Il-proposta tal-Oppożizzjoni tista’ toħloq diffikultajiet jekk ma jkunx hemm qbil bejn iż-żewġ partijiet. Dwar it-tneħħija tal-Kummissarju, il-Ministru Camilleri qal li hi l-istess PSC li tirrakkomanda lill-Prim Ministru biex il-Kummissarju tal-Pulizija jitneħħa.

Il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li l-Kummissjoni Venezja qed tipproponi li jitnaqqas l-involviment tal-politiċi fil-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija. Hu qal li l-Att dwar il-Pulizija diġà jaħseb għat-tneħħija tal-Kummissarju.