Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kkonkluda li l-Ministru Julia Farrugia Portelli qabżet il-linja meta dehret fi tliet filmati li pproduċiet id-ditta legali Chetcuti Cauchi biex tippromovi l-iskemi taċ-ċittadinanza. Dan għaliex setgħet tat vantaġġ mhux xieraq lill-istess ditta legali, kif ukoll ngħata l-impressjoni li d-ditta kellha rabtiet mill-qrib mal-awtoritajiet.
Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika qal li meta ministru jagħti appoġġ lil xi inizjattiva ta’ operatur privat, għandu joqgħod attent li ma jaqbiżx il-linja bejn għajnuna uffiċjali xierqa u l-għoti ta’ vantaġġ mhux xieraq. Huwa wasal għal din il-konklużjoni wara li kkunsidra ilment mingħand l-għaqda volontarja Repubblika kontra l-Ministru Julia Farrugia Portelli talli dehret f’filmat promozzjonali prodott mid-ditta legali Chetcuti Cauchi, liema filmat ġie miġbud fil-Berġa ta’ Kastilja.
Il-Kummissarju sab li d-ditta legali Chetcuti Cauchi pproduċiet tliet filmati biex tippromwovi l-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment u ta’ viżi residenzjali. Il-Ministru Farrugia Portelli, li dak iż-żmien kienet Segretarju Parlamentari risponsabbli minn dawn l-iskemi, dehret fit-tliet filmati flimkien ma’ uffiċjali talaġenziji tal-gvern li jamministraw l-iskemi u ma’ rappreżentanti tad-ditta nnifisha. It-tliet filmati nġibdu f’Kastilja.
Għalhekk ġie konkluż li dan seta’ ta vantaġġ mhux xieraq lid-ditta legali in kwistjoni għax il-filmati taw l-impressjoni li d-ditta kellha rabtiet mill-qrib malawtoritajiet. Il-Kummissarju qal: “hemm linja fina bejn il-promozzjoni ta’ skema tal-Gvern u l-għoti ta’ trattament preferenzjali lil aġent partikolari. Fil-fehma tiegħi, din il-linja nqabżet fil-każ taħt konsiderazzjoni.”
//= $special ?>