Lokali

Julia Farrugia Portelli għandha terfa’ r-responsabbiltà politika u tirriżenja minnufih – PN

Fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kontra l-Ministru Julia Farrugia Portelli, il-Partit Nazzjonalista jqis il-pożizzjoni tagħha bħala waħda mhix aktar tenibbli u għalhekk għandha terfa’ r-responsabbiltà politika u tirriżenja minn Ministru.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar ir-Riformi fis-Servizz Pubbliku, ċ-Ċittadinanza u s-Simplifikazzjoni tal-Proċessi Karol Aquilina, il-Partit Nazzjonalista saħaq li dan qiegħed jintalab wara dak li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kkonkluda fir-rapport minnu ppreżentat fil-ħidma Kostituzzjonali tiegħu u li fih huwa ddikjara li bl-aġir tagħha l-Ministru Julia Farrugia Portelli qabżet il-linja bejn il-promozzjoni ta’ skema tal-Gvern (il-bejgħ taċ-ċittadinanza) u l-għoti ta’ trattament preferenzjali lill-aġenti partikolari. Dan huwa punt fundamentali li l-Ministru qegħedha tagħmel ħilitha kollha biex taħbieh. Dan huwa każ ċar ta’ imġieba politika ħażina li għaliha għandha ġġorr l-konsegwenzi. L-irresponsabbiltà tiggrava l-aġir ta’ min ma’ fehemx kif għandu jġib ruħu fil-kariga li huwa jkun qed jokkupa.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar lill-Ministru li l-filmat promozzjonali li ġie żvelat mill-midja u li ntuża minn ditta legali li tbiegħ il-passaporti, ġie ffilmjat fil-kamra fejn issoltu jiltaqa’ l-Kabinett f’Kastilja u fih jidhru s-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli, l-Kap Eżekuttiv tal-IIP Jonathan Cardona u l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Residency Visa Agency Roderick Cutajar. Dan il-fatt jikkonferma kemm il-Ministru Julia Farrugia Portelli kienet taf eżatti x’inhi tagħmel u l-intenzjonijiet politiċi tagħha joħorġu mill-azzjonijiet tagħha stess.

Dan huwa mument ta’ prova ieħor għall-Prim Ministru Robert Abela li mill-kliem issa jrid jgħaddi għall-fatti billi jara li tinġarr ir-responsabbiltà mill-Ministru Julia Farrugia Portelli.