Coronavirus Ekonomija Lokali

“Kuntenti li l-Gvern aċċetta numru ta’ proposti tagħna” – Il-Kamra tal-SMEs

Dan qed jingħad fil-konoxxenza sħiħa tal-fatt li l-Kamra diġà taf li hemm setturi u individwi oħra li għandhom bżonn l-għajnuna

Fi stqarrija, il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji qalet li matul il-ġimgħa li għaddiet kienet f’diskussjonijiet kontinwi mal-Prim Ministru u insistiet li l-benefiċċju tal-qgħad għandu jkun bażi ta’ benefiċċju tal-impjieg fil-maġġoranza assoluta tas-setturi.

Il-Kamra tal-SMEs stqarret li “r-realtà hi li hi”, il-maġġoranza tas-setturi li sofrew telf kbir f’temp ta’ ftit ġranet. Numru minn dawn is-setturi ntalbu jagħlqu l-bibien tagħhom, oħrajn għadhom jitħallew jiftħu pero b’nuqqas ta’servizzi li jistgħu joffru.

“Bħala Kamra tal-SMEs aħna għalhekk nilqgħu l-aħbar tat-tielet pakkett bħala l-ewwel pass pożittiv tajjeb ħafna li laħaq parti mit-talba li ppreżentajna lill-Prim Ministru.” kompliet tgħid l-istqarrija.

Il-Kamra qalet li dan għandu jagħti l-linja ta’ għajnuna meħtieġa għax-xhur li ġejjin lil negozji li huma fil-bżonn u li qed jingħtaw l-opportunità li jkunu jistgħu jżommu l-ħaddiema tagħhom. Huma qalu li d-dettalji tal-implimentazzjoni ta’ skema bħal din hi essenzjali biex ikun żgurat li din l-opportunità tkun aċċessibbli.

Dan qed jingħad fil-konoxxenza sħiħa tal-fatt li l-Kamra diġà taf li hemm setturi u individwi oħra li għandhom bżonn l-għajnuna u bħala organizzazzjoni se jkomplu jwasslu t-tħassib tagħhom u jiżguraw li l-għajnuna tilħaqhom. “Dan għax aħna konxji mill-bżonnijiet reali tal-industrija u l-importanza li n-negozji jżommu jiffunzjonaw biex ikunu jistgħu jsostnu lilhom infushom u jkunu lesti li jqumu fuq saqajhom meta l-ekonomija tibda tiġi lura għan-normal.” qalet il-Kamra tal-SMEs.

Il-Prim Ministru ta lill-Kamra tal-SMEs l-assigurazzjoni tiegħu li l-gvern se jkun qed iżomm djalogu miftuħ u jkun reattiv għall-bżonnijiet tas-settur privat.

“Fl-istess ħin bħala organizzazzjoni qed naħdmu fuq miżuri importanti oħra li jeħtieġu tisħiħ, li huma kollha importanti biex isostnu n-negozju f’dan iż-żmien delikat.” kompliet tgħid il-Kamra, li stqarret li għandna bżonn appoġġ akbar mill-banek kollha permezz ta’ moratoria ġenerali kemm għan-negozji kif ukoll għall-individwi u reviżjoni tar-rati tal-imgħax.

Miżuri oħra jinkludu t-trattament tal-problemi marbuta mal-kirjiet u spejjeż oħra li jagħmlu parti mill-ispejjeż operattivi tan-negozji l-iktar, temmet tgħid l-istqarrija.