Lokali Saħħa

L-appoġġ lejn il-produzzjoni lokali jiggarantixxi provvista kontinwa ta’ prodotti friski!

Il-Kumpanija Malta Dairy Products Ltd., li tagħmel parti mill-KPH Group Ltd., flimkien mal-Għaqda Bdiewa Attivi u l-Koperattiva ta’ min Irabbi l-Majjal Ltd., qegħdin jaħdmu għall-istess għan sabiex jiżguraw li l-produzzjoni tal-ikel f’Malta tkompli minkejja l-inċertezzi globali li nħolqu bħalissa minħabba l-#Covid19.

Il-kumpanija qalet li jidher biċ-ċar li l-konsumaturi huma nkwetati li l-provvista tal-ikel tista’ ma tkunx biżżejjed, tant li hemm min qiegħed jagħmel xiri bl-ingrossa.

Żminijiet ta’ inċertezza bħal dawn jistgħu jgħinu lil dak li jkun japprezza u jifhem iżjed l-importanza ta’ minn fejn verament joriġina l-ikel u l-valur li għandha l-katina tal-provvista tal-ikel lokali.

Sakemm is-setturi agrikoli jkomplu jeżistu ġewwa pajjiżna, u l-bdiewa lokali jibqgħu jieħdu ħsieb l-annimali u r-raba tagħhom, se jkomplu jaslu prodotti friski lokali kuljum mir-razzett għal fuq ilmejda tal-ikel tiegħek.

Il-Koperattivi u l-produtturi agrikoli lokali b’hekk jiżguraw is-sigurta` talikel għal kulħadd. Is-settur lokali tal-ikel huwa l-uniku settur tal-ikel li l-popolazzjoni Maltija verament għandha kontroll fuqu u tista’ sserraħ fuqu, speċjalment fi żminijiet ta’ tfixkil globali.

Il-Koperattivi u l-organizzazzjonijiet qegħdin jingħaqdu sabiex ifakkru lill-konsumaturi dwar limportanza li jieklu dieta tajba u bbilanċjata billi jikkunsmaw prodotti friski u nutrittivi.

Il-messaġġ huwa wieħed sempliċi: appoġġjaw il-prodotti lokali dejjem sabiex aħna nkunu nistgħu niggarantixxu provvista kontinwa ta’ prodotti friski, kemm fi żminijiet tajbin kif ukoll ħżiena. #FarmersDontStop #AgriCoopsDontStop #countonus #localproduce #supportlocal #farmtofork #foodsecurity