Coronavirus Ekonomija Lokali

L-Oppożizzjoni tħoss li l-Gvern jista’ u għandu jagħmel iżjed – PN

Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista fid-dawl tal-pakkett imħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela, l-Oppożizzjoni tieħu nota tal-pakkett ta’ miżuri fiskali u monitarji li ħabbar il-Gvern illum sabiex jitnaqqas l-impatt tal-kroll ekonomiku li għaddej minnu pajjiżna u l-kumplament tad-dinja.

Dan huwa t-tielet pakkett fi ftit jiem, xiehda ta’ Gvern li dejjem qiegħed jirreaġixxi tard u bil-mod wisq quddiem sitwazzjoni li tirrikjedi azzjoni fil-pront.

Minkejja l-impressjoni differenti li pprova jagħti l-Prim Ministru llum, l-ewwel żewġ paketti mhux talli ma ħallew l-ebda effett iżda ħolqu klima ta’ inċertezza li qatt ma’ nħasset bħala f’pajjiżna.

Iffaċċjat bi kritika qawwija minħabba l-inadekwatezza tal-ewwel żewġ pakketti li offra, l-Gvern illum kien sfurzat joħroġ bi proposti li filwaqt li huma aħjar mill-ewwel żewġ tentattivi fjakki tiegħu xorta juri biċ-ċar li għad fadal ħafna x’jista’ jsir.

L-istqarrija kompliet tgħid li, fil-proposti li ħabbar il-Gvern illejla, hemm inklużi proposti li għamlet l-Oppożizzjoni u li l-Gvern kien ikkritika. Dan huwa simili għal dak li ġara bi proposti li għamlet l-Oppożizzjoni fir-rigward ta’ kif jista’ jonqos it-tifrix tal-Coronavirus bil-Gvern ikun pront biex jiskarta l-proposti biex imbagħad wara jumejn jagħmilhom tiegħu. Din hija attitudni pwerili li ma’ tixraqx lil pajjiżna.

Fir-rigward ta’ dak li ġie propost, l-Oppożizzjoni tħoss li l-Gvern jista’ u għandu jagħmel iżjed. Numru ta’ ħaddiema u professjonisti li jaħdmu f’numru ta’ setturi mhux se jiġu koperti minn dawn il-miżuri minkejja li huma wkoll qed ibatu tbatija kbira b’riżultat tal-kriżi ekonomika. Minn 164,000 impjegat fis-settur privat li kollha se jintlaqtu ħażin minn din is-sitwazzjoni, l-Gvern għażel li jgħin bis-serjetà 60,000 biss, lill-bqija qed jistmahhom bħala ħaddiema tat-tieni klassi jew billi ma’ jagħtihom l-ebda għajnuna jew inkella billi jagħtihom għajnuna li ma’ tiswa xejn. Robert Abela qiegħed jagħmel żball enormi meta qiegħed jinjora lil dawk is-setturi li kienu l-pilastri tat-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna.

L-Oppozizzjoni tħoss ukoll li l-Gvern għandu jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma fiż-żmien meta ħafna min-nies qed iqattgħu iżjed ħin id-dar u allura jikkonsmaw iżjed. Bħalissa l-prezz taż-żejt qiegħed fl-iktar livell baxx li qatt niżel fih fl-aħħar snin. Huwa inaċċetabbli li l-Prim Ministru, meta mistoqsi għalfejn ma daħħalx din il-miżura issa, għażel li jwiegeb b’mod arroganti u partiġġjan u b’mod li jikser il-liġi dwar il-protezzjoni tad-data. Il-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed jieħu passi legali dwar dan.

L-Oppozizzjoni terġa’ tappella lill-Gvern biex b’mod immedjat twaqqaf il-kirijiet tal-Gvern sakemm is-sitwazzjoni tirritorna għan-normal.

L-Oppożizzjoni se tkompli taħdem b’mod kontinwu sabiex fl-interess nazzjonali nassiguraw li ħadd f’pajjiżna ma jerfa’ piż iżjed milli jiflaħ. Dan l-Oppożizzjoni tagħmlu għax temmen bis-serjetà f’poplu wieħed. Nazzjon wieħed, temmet tgħid l-istqarrija tal-PN.