Lokali Qorti

Mara magħrufa mal-Pulizija titressaq il-Qorti fuq attentat ta’ hold-up fil-Gżira

Mara ta’ 26 sena, li hija magħrufa sew mal-Pulizija, u li ġiet mixlija b’attentat ta’ hold-up f’ħanut tal-logħob fi Triq Rue D’Argens fil-Gżira nżammet arrestata anke jekk wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontriha.

Ellie Briffa ġiet mixlija mill-Ispetturi Colin Sheldon u Fabian Fleri li fis-16 ta’ Marzu minn stabbiliment tal-betting ippruvaw twettaq hold-up meta daħlet fuq ħaddiem, u armata qaltlu biex jitlaq il-barra. F’ħin minnhom xalla li kienet qed tagħtti wiċċha nkixfet ftit biex b’hekk nqabdet l-identità tagħha. Dan minn cameras tas-CCTV tal-istess stabbiliment.

Il-Pulizija kienet ilha għal xi żmien tfittex lil Briffa li ma nstabitx minħabba li kienet bidlet ir-residenza tagħha. Wara ħareġ li hija kienet bdiet tirrisjedi fejn allegatament ippruvaw twettaq is-serqa.

Hija ġiet mixlija b’attentat ta’ serq bi vjolenza u li żammet lill-ħaddiem tal-post kontra l-volontà tiegħu. Hija ġiet mixlija wkoll li saret reċediva u li kisret diversi kundizzjonijiet tal-Qorti.

Saret talba mill-avukat tagħha ta’ għajuna legali Mark Mifsud Cutajar għal libertà proviżorja, liema talba sabet oġġezzjoni mill-Prosekuzzjoni, bil-Maġistrat Josette Demicoli tiċħad it-talba. L-akkużata għandha problema ta’ droga u kemm il-darba tressqet il-Qorti ma’ każijiet dwar prostituzzjoni.

Fid-dawl ta’ miżuri ġodda li qegħdin jittieħdu minħabba l-pandemija tal-COVID-19 hija ma ttieħidx mill-ewwel il-ħabs ta’ Kordin, iżda nżammet separtament f’ċella fil-bini tal-Qorti għal 14-il ġurnata ta’ kwarantina.