Lokali Saħħa

Offertà lill-Gvern minn sid l-isptar St.Philip għall-pazjenti milquta bil-Covid19

Sid l-isptar St.Philip, it-tabib Frank Portelli offra lill-Gvern il-binja li tinsab f’Santa Venera biex jintuża għall-pazjenti milqutin bil-Coronavirus. The Malta Independent irrapporta li dan is-suġġeriment sar hekk kif il-Gvern ħabbar li qed jippjana biex jibni sptar pre-fabbrikat fl-inħawi ta’ Mater Dei u li dan se jkun lest fi żmien tmien ġimgħat.

It-tabib Portelli qal li fi żmien ta’ kriżi nazzjonali, “lesti li noffru l-isptar għall-poplu Malti fuq bażi ta’ ebda profitt”. Fuq facebook sid l-isptar qal li l-kirja għandha tkun aġġustata skont l-valur tal-propjetà u l-għoli tal-ħajja.

Tenna li l-isptar jista’ jiġi rinnovat skont ikl-ħtieġa u li f’perjodu ta’ tmien ġimgħat jista’ jitratta mal-120 pazjent. Il-pjan tal-Gvern għal sptar pre-fabbrikat huwa għal 90 sodda.

Qal li estensjoni tal-faċilitajiet jistgħu jwasslu għal 300 sodda u li dan jista’ jsir f’perjodu ta’ tmien ġimgħat oħra. It-tabib Frank Portelli tkellem dwar l-importanza li l-pazjenti jiġu qabel il-politika.

Il-Gvern nieda s-sejħa ta’ sptar pre-fabbrikat u qal li għal kull ġurnata li tard wara l-perjodu ta’ tmien ġimgħat li jkun lest, se jkun hemm multa ta’ €50,000 kuljum.