Internazzjonali

Renju Unit: Il-Prinċep Charles jittestja pożittiv għall-coronavirus

Il-Prinċep Charles, li hu l-eredi għat-tron tal-Ingilterra, għadu kemm ittestja pożittiv għall-coronavirus.

L-aħbar ingħatat minn Clarence House, meta mifhum li Charles, li għandu 71 sena, qed juri s-sintomi ħfief tal-marda, bil-kundizzjoni tiegħu tkun imfissra bħala ‘sodisfaċenti f’dawn iċ-ċirkustanzi’.

Id-Dukessa Camilla ta’ Cornwall, il-mara tal-Prinċep li għandha 72 sena, ukoll saritilha t-test għall-coronvirus u fejn instabet negattiva.

Hi u l-Prinċep fil-preżent qegħdin jgħixu f’iżolament fid-dar tagħhom f’Balmoral, fl-Iskozja.

Kelliema għal Buckingham Palace qalu, intant, li r-Reġina Eliżabetta rat lil binha għall-aħħar darba fit-12 ta’ Marzu u li hi ‘saħħitha tinsab tajba’.

Żewġha, il-Prinċep Philip, id-Duka ta’ Edinburgh, ma kienx preżenti għall-aħħar laqgħa bejn ir-Reġina u Charles u issa, ir-Reġina Eliżabetta qed issegwi l-pariri xierqa fir-rigward ta’ saħħitha,

Intant, l-uffiċjali qalu li ma kienx possibbli li jsiru jafu biċ-ċert minfejn il-Prinċep Charles seta’ qabdu l-virus. Dan minħabba l-ammont enormi ta’ impenji pubbliċi li hu kien involut fihom fl-aħħar ġimgħat.