Lokali Parlament

Wara li l-Gvern diġà ħabbar it-tielet pakkett finanzjarju…llejla dibattitu fil-parlament

L-Oppożizzjoni kienet ppropponiet li d-dibattitu jsir qabel il-Gvern iħabbar il-pakkett finanzjarju iżda l-Gvern m’aċċettax

Wara li lbieraħ il-Gvern ħabbar it-tielet pakkett finanzjarju fil-kriżi tal-corona virus, illejla l-parlament se jiddiskuti dan il-pakkett.

Dan id-dibattitu se jsir fuq insistenza tal-Oppożizzjoni li pproponiet lill-Gvern biex dan il-pakkett ikun diskuss fil-parlament qabel ikun konkluż u mħabbar lill-media. Il-Gvern irrifjuta din il-proposta tal-Oppożizzjoni u baqa’ għaddej biex iħabbar il-pakkett qabel isir id-dibattitu parlamentari.

Dan l-atteġġjamnet politiku l-Gvern qed jieħdu anki quddiem l-appelli tal-Oppożizzjoni biex il-parlament jkun informat u jiddiskuti s-sitwazzjoni mill-aspett mediku dwar il-corona virus.

Fil-parlament, il-Kap tal-PN Adrian Delia appella lill-Gvern biex jagħmel id-dibattitu qabel il-pakkett finanzjarju jkun finalizzat biex b’hekk l-Oppożizzjoni jkollha l-opportunità li tressaq il-proposti tagħha; liema proposti jistgħu jtejbu l-istess pakkett.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia appella lill-Gvern
biex jiddiskuti l-pakkett finanzjarju fil-parlament

Sal-bieraħ stess fil-parlament l-Oppożizzjoni ressqet proposti importanti dwar il-Liġi li temenda l-Att dwar is-Saħħa Pubblika; liema liġi tagħti poteri lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika li tieħu dawk il-miżuri neċessarji quddiem il-kriżi tal-corona virus.

Minkejja li fil-bidu tas-seduta l-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni kif espressa mid-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ġabet kritika qawwija mill-Ministru Edward Zammit Lewis, wara laqgħa bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne irrikonoxxa li l-pożizzjoni li kienet qed tieħu l-Oppożizzjoni kienet waħda b’intenzjonijiet tajbin u kienet se twassal biex tissaħħaħ il-liġi li kien qed iressaq il-Gvern.

Jason Azzopardi ressaq proposti biex tissaħħaħ liġi importanti li ressaq il-Gvern

Is-seduta parlamentari tal-lejla tibda fl-4 pm, bid-dibattitu dwar il-pakkett finanzjarju jibda fl-4.30 pm.