Bastiment li kien qed ibaħħar 13-il mil nawtiku ‘l bogħod minn Malta, fl-ibħra territorjali Maltin, inqasam fi tnejn wara li beda’ jidħollu l-ilma.
Jidher li l-istruttura tal-vapur ma felħitx għall-maltemp li sabu ruħu fih, u ftit wara li beda dieħel l-ilma, il-vapur inqasam f’żewġ biċċiet.
Il-membri tal-ekwipaġġ tal-vapur Lady Sandra, li jtajjar bandiera Ingliża, bagħtu Mayday lill-Forzi Armati ta’ Malta għall-ħabta tad-9.30pm tal-Erbgħa filħaxija. Membri tal-AFM marru fiż-żona fejn kien jinsab il-vapur fix-xlokk ta’ Malta permezz tal-Patrol Boat Melita 1 u l-helicopter Alouette 139.
Fl-ilma qrib il-fdalijiet tal-vapur sabu t-tlett membri tal-ekwipaġġ, żewġ Eġizzjani u wieħed Rumen, li kienu abbandunaw il-vapur hu u jegħreq. L-irġeil spiċċaw fil-baħar wara li anke ċ-ċatra tas-salvataġġ infaqgħet. Huma ttellgħu abbord il-Patrol Boat Melita 1 u ddaħħlu Xatt it-Tiben, il-Marsa.
L-ekwipaġġ ma kellux bżonn assistenza medika.
Il-Kaptan tal-Melita 1 qali li dan kien salvataġġ differenti minn tas-soltu u li kien wieħed riskjuż minħabba l-kundizzjonijiet diffiċli ferm tat-temp, b’mewġ għoli ħafna u rwiefen qawwija.
Il-kordinatur tal-missjoni tas-salvataġġ minn naħa tiegħu qal li l-operazzjoni setgħet kienet possibbli biss bis-saħħa tal-koperazzjoni bejn iċ-Ċentru tal-Kordinjazzjoni tas-Salvataġġ tal-AFM u oqsma oħra tal-Forzi Armati u l-għajnuna ta’ vapuri oħra li kienu fiż-żona u li wkoll assistew f’dan is-salvataġġ.
L-operazzjoni ntemmet b’wiċċ il-ġid, ċbit-tlett baħrin salvati jittieħdu fuq l-art għall-ħabta tal-11.30am.
Il-Forzi Armati ta’ Malta rringrazzjat lill-membri kollha tal-AFM għad-dedikazzjoni u s-servizz li jipprovud ta’ kuljum lill-pajjiżna, aktar w’aktar f’ċirkostanzi ta’ periklu bħal din tal-lum.
//= $special ?>