Futbol Sport

Ċans li tkun estiża d-data tat-tmiem tal-kuntratti tal-plejers u kowċis

(Ritratt: foto-net/Kurt Schorrer)

Rapporti fil-media internazzjonali qed jgħidu li dokument intern tal-FIFA ġie ppreżentat lill-working group tal-coronavirus u fih intqal li l-kuntratti preżenti tal-plejers u l-kowċis għandhom ikunu estiżi sakemm jintemmu l-istaġun domestiċi tal-futbol. Dan id-dokument li ratu l-aġenzija Reuters, jirrakkomanda wkoll li jinbidlu s-swieq tat-trasferimenti biex jikkorispondu d-dati l-ġodda tal-istaġun. F’dan il-mument, il-klabbs u l-plejers iridu jaħdmu flimkien biex isibu soluzzjonijiet dwar il-pagamenti tas-salarji fiż-żmien li kollox hu wieqaf. Id-dokument kellu jiġi diskuss iżda l-FIFA għadha ma ħadet l-ebda deċiżjoni uffiċjali.

Dan il-working group inħoloq mill-FIFA fit-18 ta’ Marzu li għadda bl-għan jintlaħaq ftehim biex isiru l-arranġamenti meħtieġa lir-regolamenti tal-FIFA fejn jidħol l-istat u t-trasferiment tal-plejer u b’hekk jipproteġu l-kuntratti tal-plejers u l-klabbs filwaqt li jaġġustaw skont il-perjodu ta’ reġistrazzjoni. Il-maġġoranza assoluta tal-kompetizzjonijiet domestiċi u internazzjonali ġew sospiżi minħabba l-pandemija. Il-Kampjonat Ewropew u l-Copa America wkoll ġew posposti.

Filwaqt li l-kampjonati domestiċi qed jittamaw li jkunu jistgħu jitkomplew, sa issa m’hemm l-ebda data konkreta. Għalhekk f’dan il-mument jeżistu problemi b’kuntratti ta’ plejers li se jiskadu u normalment ikun spiċċa l-kampjonat rispettiv. Hu mifhum li kull deċiżjoni li tittieħed, tħalli effett fuq l-istaġun li ġej skont kif jinbidel il-kalendarju.