Internazzjonali

Coronavirus: L-imwiet fi Spanja jaqbżu l-4,000…Inkwiet għan-naħa t’isfel tal-Italja

L-aħħar informazzjoni minn Spanja uriet li ċ-ċifra tal-mejtin mill-coronavirus qabżu l-4,000 wara li l-vittmi żdiedu b’655 f’perjodu ta’ 24 siegħa. Il-każi kkonfermati f’dan il-pajjiż, intant, telgħu għal 56,188.

Il-belt (kapitali) ta’ Madrid tibqa’ l-agħar zona affettwata bi kważi terz tal-każi fi Spanja. Madankollu, ir-reġjun ta’ Katalonja wkoll irreġistra qabża kbira, fost rapporti ta’ mill-anqas 11,592 infezzjoni ikkonfermati.

Fil-lejl tal-Erbgħa, Spanja estendiet l-istat tal-emerġenza nazzjonali sat-12 ta’ April f’tentattiv biex twaqqaf il-firxa tal-coronavirus – jew Covid-19. Il-miżuri ta’ emerġenza estiżi jinkludu l-lockdown li tesiġi biex in-nies jibqgħu magħluqin id-dar, ħlief għall-każi tax-xogħol inkella f’sitwazzjonijiet fejn iridu jixtru l-ikel u l-mediċina.

Il-każi kkonfermati fi Spanja żdiedu b’għaxar darbiet mindu kien impost l-istat tal-emerġenza fl-14 ta’ Marzu – bil-Prim Ministru Spanjol, Pedro Sanchez, jammetti li ma kenitx faċli għall-Parlament biex jestendi dan il-perjodu diffiċli. Madankollu hu ‘jinsab konvint li l-iżolament minn lat soċjali jipprovdi l-unika arma effettiva kontra l-virus’.

Fl-Italja, il-kunsill għal riċerka nazzjonali mmexxi mill-Gvern qal li kważi nofs il-provinċji kollha milqutin mill-coronavirus diġà għaddejjin mill-eqqel tal-pandemija.

Iżda waqt li l-miżuri għall-kontroll tal-virus jidhru li qed jaħdmu fil-Lombardija ( l-agħar reġjun milqut fit-Tramuntana tal-pajjiż), iz-zoni aktar foqra fiċ-ċentru u n-naħa t’isfel tal-Italja qegħdin jaraw żieda inkwetanti fl-imwiet mill-Covid-19. Vincenzo De Luca, il-President ta’ Campania (ir-reġjun madwar Napli) wissa, sadanittant dwar ‘il-veru prospett li t-traġedja tal-Lombardija tinbidel fit-traġedja tas-‘Sud’’.

Il-Prim Ministru Taljan, Giuseppe Conte, wiegħed tieni pakkett finanzjarju – ekwivalenti għal talanqas 25 biljun ewro — biex itaffi l-impatt ekonomiku tal-pandemija għall-Italja. Madankollu, l-Italja, li hi t-tielet l-akbar ekonomija fl-Unjoni Ewropea, x’aktarx li tispiċċa fl-aktar riċessjoni profonda għal ħafna snin.

Franza rreġistrat 1,331 mewta mill-coronavirus skont l-aħħar statistika qabel morna għall-istampa. Wara żjara li għamel fi sptar matul il-lejl tal-Erbgħa, il-President Franċiż, Emmanuel Macron, qal li kellu jsejjaħ lill-Armata biex tgħin lill-pajjiż li jinsab fl-eqqel tal-kriżi. Kelliema għall-Gvern qalu wkoll li l-miżuri tal-lockdown, effettivi għal ħmistax-il jum, jistgħu jkunu estiżi waqt li mistennija deċiżjoni finali ‘fil-jiem li ġejjin’.

Fl-Ingilterra, l-isptarijiet ta’ Londra qegħdin jiffaċċjaw ‘tsunami’ ta’ każi tal-coronavirus u anki qegħdin jispiċċawlhom is-sodod fit-taqsimiet għall-kura intensiva.

Kelliema għall-NHS Providers li jirrappreżenta lill-isptarijiet qal li filwaqt li ġew estiżi l-faċilitajiet għall-kura tal-pazjenti li jispiċċaw f’sitwazzjoni kritika, l-isptarijiet fil-kapitali, bħalissa,qed jiffaċċjaw domanda ‘li splodiet f’dawn il-ġranet’. Madwar terz tal-każi tal-Covid-19 kienu kkonfermati f’Londra.

Intant, il-belt ta’ Tokjo, il-kapitali tal-Ġappun, qed taħseb biex tevita firxa enormi ta’ infezzjonijiet ġodda mill-Covid-19, wara li, f’nofs il-ġimgħa, kienu kkonfermati 41 każ ġdid — rekord għall-pajjiż.

Din il-belt, li hi l-aktar waħda ffullata fid-dinja, s’issa ma kellhiex tintroduċi l-miżuri urġenti li qegħdin naraw fiċ-ċentri ewlenin oħrajn tad-dinja. Madankollu, il-Gvernatur ta’ Tokjo qed iwissi li Tokjo tinsab diġà f’sitwazzjoni kritika. Fi żviluppi oħra, it-Tajlandja ukoll spiċċat fi stat ta’ emerġenza b’konsegwenza tal-Covid-19.

U fl-aħħarnett, daqsxejn ta’ aħbar inkoraġġanti…Mara bl-isem Hwang Young-Joo, ta’ 97 sena, saret l-akbar anzjana fil-Korea t’Isfel li fieqet mill-Covid-19, bir-rapporti jgħidu li hi tinsab lura d-dar f’Cheongdo.