Coronavirus Kunsilli Lokali Lokali Saħħa Transport

“Għandhom jittieħdu l-miżuri kollha għas-sigurtà tal-Forzi tal-Ordni u l-ħaddiema tat-trasport pubbliku u l-Kunsilli Lokali”

Il-Partit Nazzjonalista bi proposti konkreti sabiex il-Gvern itejjeb il-prattiċi xotti ta' prevenzjoni għall-COVID-19 li addotta għall-korpi dixxiplinati u l-ħaddiema tat-trasport pubbliku flimkien ma' dawk fil-Kunsilli Lokali

“Il-Gvern għandu l-obbligu li jara li l-Korpi Dixxiplinati tal-pajjiż għandhom ikunu ppreparati aktar quddiem il-kriżi kbira tal-Coronavirus. Għalkemm ittieħdu xi passi, l-Pulizija partikolarment dawk fl-għases u fit-toroq mhumiex qedgħin jiġu protetti biżżejjed minkejja li huma f’kuntatt kontinwu man-nies.”, hekk qal il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Sigurtà Nazzjonali Beppe Fenech Adami flimkien ma’ Toni Bezzina u Robert Cutajar.

Beppe Fenech Adami qal li l-Gvern għandu jara kif l-għases tagħna  jiġu ffumigati regolarment u b’mod ordnat. Huwa qal li għandu jkun hemm direzzjoni ċara dwar l-użu ta’ maskri fil-Korp; għandhom jittieħdu miżuri biex jonqos il-kuntatt; isiru kampanji edukattivi biex in-nies ma jmorrux l-għases għal kull ħaġa ta’ xejn; u t-twaqqif ta’ linja dedikata u mezzi online biex rapporti jkunu jistgħu jsiru b’dan il-mod mingħajr il-bżonn li wieħed ikollu bżonn imur l-għassa.

Beppe Fenech Adami tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni preokkupanti fil-ħabs u kif bħalissa hemm 458 ċella li f’200 minnhom hemm aktar minn priġunier wieħed, problema ta’ iffullar li l-Gvern għandu l-obbligu li jindirizza immedjatament  qabel ma jfaqqa’ l-ewwel każ tal-virus fil-ħabs. Huwa ppropona li l-priġunieri anzjani u b’kundizzjoni ta’ saħħa jiġu identifikati u iżolati anke barra mill-ħabs jekk ikun il-bżonn, filwaqt li jiġu identifikati postijiet alternattivi temporanji ta’ ħabs biex jonqos l-iffullar u jiġi kkunsidrat li priginieri li waslu lejn tmiem il-priġunerija tagħhom jintbagħatu d-dar taħt house arrest b’ miżuri ta’ sigurta stretti inkluż electronic tagging. Beppe Fenech Adami tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni fiċ-ċentri ta’ detenzjoni u qal li l-Gvern mhux qed jagħmel biżżejjed biex jigi evitat t-tixrid tal-virus f’dawn iċ-ċentri. Irringrazzja wkoll l-uffiċjali tal-immigrazzjoni u qal li n-nuqqas tad-deċiżjoni immedjatament dwar l-ajruport u l-portijiet uriet li kellna reazzjoni tard u ma konniex ippreparati.

Toni Bezzina qal li fiċ-ċirkostanzi tal-lum, min għandu bżonn jagħmel użu mit-trasport pubbliku għandu jagħmel dan mill-inqas. Peress li riċentament in-numru tan-nies li jużawh naqas b’madwar 75% u l-ammont tat-traffiku naqas drastikament, il-Gvern u l-operatur tat-trasport pubbliku għandhom jużaw ir-riżorsi kollha aħjar biex joffru servizz aktar sigur kemm għax-xufiera kif ukoll għall-passiġġieri. Huwa qal li l-ewwel prijorità ghandha tkun li tiġi ssalvagwardja s-saħħa tax-xufiera tal-karozzi tal-linja peress li huma l-iktar f’riskju, u billi immedjatament:

  1. Il-ħlas tan-noll isir biss bl-użu Tal-Linja Card;
  1. Kull xufier għandu jingħata l-ilbies protettiv kollu neċessarju bħal maskra, ingwanti u protezzjoni għall-għajnejn;
  2. Ix-xufiera għandhom jingħataw u jiġu obbligati li jużaw hand sanitizers/wipes biex jimsħu idejhom b’mod frekwenti;
  3. Ix-xufiera jiġu murija u obbligati jnaddfu l-kabina, nkluż id-dashboard, wara kull vjaġġ. Il-kabina għandha tiġi ddiżinfettata b’mod rigoruż min-nies imħarrġa apposta kull meta jinbidel ix-xufier;
  4. Kull meta jinbidel x-xufier, kull xufier għandha titteħidlu t-temperatura u din tiġi irreġistrata f’reġistru apposta;
  5. Waqt il-ħin tal-mistrieħ tax-xufiera, għandha tinżamm distanza bejn ix-xufiera nfushom kif ukoll bejn ix-xufiera u l-ħaddiema tat-trasport pubbliku.

 
Għandhom jittieħdu miżuri aktar stretti mill-operatur tat-trasport pubbliku biex tiġi ssalvagwardja s-saħħa tal-passġġieri fosthom li:

  1. F’kull karozza tal-linja jkun hemm hand sanitizer disponibbli biex jiġi użat mill-passiġġieri malli jitilgħu u qabel ma jinżlu;
  1. Ikun hemm wipes biex f’każ li persuna tagħtas jew tisgħol, il-post ikun jista’ jiġi mnaddaf immedjatament;
  2. Il-karozzi tal-linja jiġu mnaddfa tajjeb minn persuni speċjalizzati minn tal-inqas 7 darbiet kuljum, qabel u wara r-rush hours u f’intervalli ta’ mhux aktar minn 4 sigħat. Bil-lejl għandhom jiġu ffumigati kif kienet issuġerit l-Oppożizzjoni;
  3. It-twieqi għandhom jinżammu miftuħa u jekk hemm bżonn, fejn ikun possibbli, jsiru alterazzjonijiet biex ikun hemm aktar arja fil-karozzi tal-linja;
  4. Minbarra li passiġġiera bil-wieqfa ma jitħallewx jitilgħu, jrid ukoll jiżdied n-numru ta’ vjaġġi fil-ħinijiet tar-rush hours biex b’hekk tiżdied id-distanza bejn il-passiġġieri billi ma joqgħodx aktar minn passiġġier wieħed bilqegħda f’kull seat;
  5. Mill-ewwel vjaġġ sal-aħħar vjaġġ, fuq kull rotta, jkun hemm kemm uffiċċjali ta’ Transport Malta kif wkoll tal-operatur biex jassiguraw l-infurzar ta’ dawn il-miżuri u għandhom jiġu imposti multi sostanzjali għal min ma’ jimxiex ma’ dawn ir-rakomandazzjonijiet;
  6. Jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji mill-operatur biex fil-vendi ma jinġemgħux passiġġieri f’xulxin iżda jżommu d-distanza bejniethom.

Toni Bezzina qal li dawn il-miżuri għandhom jiġu estiżi, safejn huwa possibbli għas-servizzi ta’ trasport privat bħall-mini buses, taxis u ferries bid-differenza li fil-każ ta’ mini buses u taxis, l-ebda passiġġier ma’ jkun jista’ jpoġġi bilqegħda fis-seat ta’ quddiem.

Robert Cutajar qal li l-Kunsilli Lokali għandhom rwol x’jaqdu fil-komunitajiet rispettivi tagħhom anke fiċ-ċirkustanzi li qed ngħixu fihom. Il-Kunsilli għandhom ikunu fuq quddiemnett fil-kampanji ta’ edukazzjoni u informazzjoni biex iwasslu kull informazzjoni possibbli lill-pubbliku kif ukoll għajnuna lill-komunità kummerċjali fil-lokalitajiet tagħna u dan billi jagħmlu użu primarjament mill-mezzi soċjali. Huwa qal li l-kunċett tal-community policing, li ddaħħal f’pajjiżna fuq insistenza tal-PN, għandu jsir sforz biex dan jiġi estiż safejn possibbli fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna. Għandu jsir sforz kollettiv biex jiġu mħarsa l-istruzzjonijiet u r-regolamenti li qed jingħataw mill-awtoritajiet tas-saħħa fejn tidhol il-kwarantina u social distancing. Dan meta kordinament sħiħ bejn il-Kunsilli u l-uffiċċjali tal-komunità jista’ jgħin biex isir infurzar ta’ dawn l-istruzzjonijiet f’postijiet pubbliċi bħall-ġonna pubbliċi, u vendi tal-karozzi tal-linja.

Robert Cutajar qal li l-Gvern għandu jgħaddi fondi speċjali lill-Kunsilli Lokali sabiex filwaqt li naraw li l-Kunsilli Lokali f’pajjiżna jibqgħu jiffunzjonaw u joperaw, naraw ukoll li tiġi mħarrsa s-saħħa tal-Kunsillieri u l-ħaddiema tal-Kunsilli waqt il-qadi ta’ dmirijiethom fl-uffiċċini tal-kunsilli rispettivi.

Din il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Sigurtà Nazzjonali u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità Beppe Fenech Adami, l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Trasport u l-Infrastruttura Toni Bezzina u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Kunsilli Lokali, l-Komunitajiet u l-Fondi Ewropej Robert Cutajar.