Coronavirus Ewropa Lokali Saħħa Unjoni Ewropea

“Hemm bżonn iktar fondi Ewropej minħabba l-emerġenza tal-COVID-19”

Ritratt: Martin Agius

Is-serjetà tal-imxija tal-COVID-19 turi li hemm bżonn iktar u mhux inqas fondi ta’ koeżjoni tal-Unjoni Ewropea għas-seba’ snin li ġejjin. L-imxija tal-COVID-19 huwa test kbir għall-Unjoni Ewropea li se tiddefinixxi l-futur tagħha u kull pajjiż membru, nkluż pajjiżna. Jekk ħajjitna u pajjiżna humiex se jmorru għall-aħjar jew għall-agħar jiddependi mill-kapaċità tagħna, Ewropej, li nipprovdu tweġiba soda u f’waqtha għall-isfida li qed toħloq din il-kriżi globali.

Saħaq dan il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Kunsilli Lokali, l-Komunitajiet u l-Fondi Ewropej, Robert Cutajar, fi stqarrija l-Ħamis waranofsinhar. Fl-2013, il-baġit tal-Unjoni Ewropea 2014-2020, li kellu wkoll il-prijorità li joħroġ lill-Ewropa mill-kriżi finanzjarja. Dakinhar l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi kien ġab għal Malta €1,200 miljun f’fondi Ewropej.

Is-serjetà tas-sitwazzjoni li ninsabu fiha llum titlob li jiġu adottati miżuri straordinarji għall-sitwazzjoni straordinarja, anki mill-Unjoni Ewropea. Huwa sodisfazzjon li fil-jiem li għaddew, l-istuzzjonijiet Ewropej approvaw sensiela ta’ miżuri straordinarji biex jappoġġjaw lill-istati membri fil-qafas tal-governanza ekonomika. Jidher li qed isir sforz kollettiv biex il-Gvernijiet Ewropej ikollhom il-flessibbiltà meħtieġa ħalli fondi ta’ koeżjoni eżistenti jintefqu fi programmi li jappoġġjaw l-isptarijiet jew jgħinu intrapriżi żgħar u medji (SMEs) u jipproteġu l-impjiegi. Però dawn huma miżuri meħtieġa issa.

Għall-futur qarib huwa mportanti li jkollna fondi ta’ koeżjoni biżżejjed li jkunu kapaċi jindirizzaw firxa wiesgħa ta’ prijoritajiet, inkluż li jagħtu appoġġ sħiħ lis-sistemi tas-saħħa. L-użu ta’ fondi ta’ koezjoni eżistenti bhalissa hija prova ċara li din il-politika għandha rwol fundamentali fl-indirizzar tal-biċċa l-kbira tal-isfidi, inklużi dawk emerġenti jew mhux previsti, li qed tiffaċċja l-Unjoni Ewropea. Fl-isfond ta’ dan kollu, huwa ċar li fil-qafas finanzjarju Multiannwali (QFP) għall-2021-2027 għandu jkun hemm żieda, u mhux tnaqqis, ta’ fondi ta’ koezjoni. Dan għandu jkun l-argument ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela fis-summit li se jsir illum wara nofsinhar.

Ikkummenta