Ekonomija Lokali

Il-Bank of Valletta jkabbar il-fond ‘Business Assist’ għal €20 miljun

€12-il miljun f’working capital jittieħdu fi żmien ġimgħa mit-twaqqif tal-fond

Fl-isfond tad-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw in-negozji fix-xenarju attwali tal-COVID-19, il-Bank of Valletta stqarr li se jkompli juri l-impenn qawwi tiegħu billi kabbar il-fond ‘Business Assist’ minn €10 miljun għal €20 miljun.

Il-Bank saħaq li kien proattiv ħafna biex jilqa’ t-talbiet tal-klijenti f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida. L-ewwel blokk ta’ €10 miljun diġa ġew allokati biex jassistu lin-negozji, l-aktar l-SMEs speċjalment dawk mikro u żgħar, fil-working capital tagħhom. Bank of Valletta qal li huwa impenjat bis-sħiħ biex jintroduċi aktar miżuri fil-ġranet li ġejjin biex biex jiżgura li jkun hemm likwidita’ fis-suq. Dawn il-miżuri jistgħu jinkuludu potenzjalment tkabbir ta’ dan il-fond, ovvjament jiddependi skond kif is-sitwazzjoni tevolvi.

Il-fond ‘Business Assist’ jipprovdi ‘working capital’ dirett biex jappoġġja lill-klijenti kummerċjali li qed jiffaċċjaw problemi ta’ cash flow. Kull każ huwa meqjus fuq il-merti tiegħu u huwa soġġett għal kundizzjonijiet ta’ self. Is-self massimu għal kull klijent ma jistax jaqbeż il-€500,000 biex jiżgura li l-fond allokat ikun jista jilħaq l-akbar numru ta’ negozji possibbli.

Minbarra l-fond ta’ €20 miljun, il-Bank of Valletta addotta numru ta’ miżuri oħra mmirati biex jipprovdu appoġġ lil negozji bħal:

  • L-imgħax se jersaq għal Ġunju minflok f’Marzu
  • Twaqqif temporanju tal-pagamenti tal-kapital għal bejn tlett xhur u tnax-il xahar
  • Servizzi ta’ finanzjament tal-kummerċ (trade finance) permezz tal-Internet Banking mingħajr spejjeż addizzjonali
  • Proviżjoni ta’ direct working capital għall-klijenti li jiffaċċjaw diffikultajiet ta’ cash flow

Dawn is-soluzzjonijiet finazjarji huma meqjusa fuq kull każ partikolari. Kull faċilita’ hija mfassla skont iċ-ċirkostanzi partikolari ta’ kull klijent tan-negozju. Inizjattivi oħra għall-għajnuna jistgħu jiġu kkunsidrati skont l-esiġenzi partikolari tal-klijent.

Il-klijenti tan-negozju huma mitluba jikkuntattjaw lir-Relationship Manager tagħhom tal-BOV biex jingħataw informazzjoni addizzjonali dwar kif il-Bank jista’ jassisti n-negozju tagħhom. Id-dettalji ta kif wieħed jista jikuntattja l-BOV Business Centres jinstabu fuq https://www.bov.com/content/assist.

Il-Bank temm jgħid li qiegħed ikompli isegwi mill-viċin is-sitwazzjoni li qegħda dejjem tevolvi u se   jkompli jintroduċi miżuri ġodda biex jagħti appoġġ lill-komunità kummerċjali lokali