Coronavirus Kurżitajiet Lokali

Il-bdiewa jgħinu lil Feeding Heroes

Donazzjoni ġeneruża ta’ għadd ta’ bdiewa, il-Ħamis filgħodu ferrħet lill-volontiera kollha ta’ l-organizzazzjoni Feeding Heroes.

Għexieren ta’ kaxxi ta’ ħaxix u frott waslu għand Feeding Heroes, wara li numru ta’ bdiewa għażlu li jagħmlu donazzjoni tal-frott ta’ xogħlhom biex anke huma jgħinu f’dan iż-żmien fejn pajjiżna qed jingħaqad biex jiġġieled kontra l-Covid-19. Id-donazzjoni kienet ikkordinata minn Malcolm Borg f’isem l-Għaqda Bdiewa Attivi.

Ħaxix mogħti mill-bdiewa

Feeding Heroes hija organizzazzjoni volontarja li tnediet propju f’dan iż-żmien ta’ kriżi, fejn numru ta’ volontiera żgħażagħ ingħaqdu biex jippreparaw ikliet għal dawk li huma l-front liners f’din il-ġlieda.

F’post li għamlu fuq Facebook, il-volontiera esprimew il-ferħ tagħhom għal din id-donazzjoni u rringrazzjaw lill-bdiewa tal-ġenerożità tagħhom.

Feeding Heroes qegħda twassal ikliet lil ħaddiema li qed jaħdmu bla heda fl-isptarijiet tagħna.