Coronavirus Kummerċ Lokali Saħħa Turiżmu

“Il-benefiċċji tal-miżuri huma żgħar” – Il-Kap Eżekuttiv ta’ Farsons

Tħassib fost il-ħaddiema tal-fabbriki

“Fil-qasam tal-manifattura l-impatt tal-miżuri mħabbra huma żgħar minkejja li l-Grupp tagħna huwa partikolarment milqut.”

Stqarrija ċara mill-Kap Eżekuttiv tal-Grupp FARSONS, Norman Aquilina,  dwar il-miżuri mħabbra mill-Gvern it-Tlieta għall-ħaddiema fil-privat li ntlaqtu mill-imxija tal-COVID-19.

Aquilina qal illi huma jistennew li l-Gvern iħabbar aktar miżuri li jolqtu direttament lill-manifattura;

Farsons, li timpjega aktar minn 600 ħaddiem, għaddejjin b’taħdidiet mal-Kamra tal-Kummerċ sabiex il-Gvern jippreżenta pakkett ieħor li jkun ta’ għajnuna diretta lill-manifattura f’pajjiżna.

“Il-manifattura hija u tibqa’ waħda mill-pilastri importanti tal-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna u nemmnu li l-manifattura ma ngħatatx biżżejjed għajnuna bil-miżuri mħabbra s’issa.”

Huwa jisħaq li hemm inċertezza dwar kif il-miżuri se jiġu implimentati, hekk kif il-Gvern jidher li nesa għalkollox li s-settur privat huwa l-qafas tal-ekonomija Maltija, kontributur tal-għixien ta’ bosta familji:

“Irridu nifhmu ukoll li fl-aħħar mill-aħħar irridu li n-negozji jibqgħu jaħdmu biex inżommu ukoll l-impjiegi.”

Il-Kap Eżekuttiv elenka ukoll kif il-ħaddiema huma l-qafas tal-Kumpanija, u vitali biex il-kumpanija tibqa’ ħajja fost il-Maltin bħalma ilha għal aktar minn 90 sena:

“Il-mira tagħna hi li nissalvagwardjaw l-impjieg tagħhom. Kellna bżonnhom qabel u bla dubju se jkollna bżonnhom wara.”

Bħala kumpanija li għandha birrerija fi ħdanha filwaqt li tipproduċi xorb ieħor, l-għeluq tal-lukandi u r-ristoranti fisser tnaqqis kbir fil-bejgħ tal-prodotti ta’ Farsons.

 “L-impatt fuq il-bejgħ tagħna beda jinħass partikolarment minħabba -għeluq tal-lukandi, bars, ristorants apparti n-nuqqas fit-turiżmu in ġenerali. U l-effetti mistennija jkunu akbar fix-xhur li ġejjin, m’hemmx dubju

Din is-sitwazzjoni inċerta għall-kumpanija għall-futur qarib qed toffri sfidi mhux normali kemm għat-tmexxija kif ukoll għall-impjegati:

 “Waqt li l-impjegati qed juru sens ta’ kollaborazzjoni kbira, huma beżgħana ukoll dwar l-impatt fit-tul. Fir-realtà, kulħadd irid ikun lest li jagħmel is-sagrifiċċju u jerfa’ parti mill-piż.”

Intant, ħafna negozji qed jinsistu wkoll biex jingħataw sostenn fil-forma ta’ tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Dan meta l-prezz internazzjonali taż-żejt kompla nieżel ’l isfel.

Din il-ġimgħa ħarġu rapporti li l-prezz jista’ saħansitra jibqa’ nieżel għal-livelli rekord ta’ madwar 10 dollaru kull barmil.