Futbol Sport

Imut l-eks kowċ nazzjonali Franċiż Michel Hidalgo

Tħabbret il-mewt ta’ Michel Hidalgo fl-età 87 sena. Hu kien ilu marid għal diversi snin u miet b’kawża naturali. Hidalgo jibqa’ magħruf għat-tmien snin li għamel bħala kowċ tat-tim nazzjonali Franċiż fejn fosthom mexxa lill-pajjiżu għar-rebħ tal-Kampjonat Ewropew tal-1984.

Dakinhar huma kienu rebħu 2-0 kontra Spanja fil-finali li ntlagħbet f’Pariġi, f’dak li kien l-ewwel suċċess maġġuri għalihom. Fost il-plejers ta’ dawk is-snin kienu jispikkaw Michel Platini, Alain Giresse u Jean Tigana. Qabel dak is-suċċess, Franza kienet waslet sas-semifinali tat-Tazza tad-Dinja tal-1982 fejn kienu megħluba mill-Ġermanja tal-Punent bil-penalties.

Fi stqarrija, Michel Platini qal li Hidalgo ħalla legat konsiderevoli u reġa’ bena l-futbol Franċiż fuq livell internazzjonali. “Bħala kowċ, Michel ħa t-tim Franċiż għall-ogħla livell, għażel stil sabiħ ta’ futbol li ħalla lilna biex nesprimu t-talenti individwali tagħna. Il-viżjoni u x-xogħol tiegħu għadu jidher f’kull logħba li t-tim nazzjonali tagħna jilgħab.”

Hidalgo kellu wkoll karriera bħala plejer. Hu lagħab ma’ Reims fis-snin 50 u kien lagħab u skorja fit-telfa ta’ 4-3 kontra Real Madrid, fl-ewwel finali tat-Tazza taċ-Champions fl-1956. Hidalgo rebaħ żewġ kampjonati u darbtejn it-Tazza ta’ Franza ma’ Monaco fis-snin 60.