Internazzjonali

Jakkuża liċ-Ċina b’li perikolat lid-dinja bil-coronavirus

L-Ambaxxatur tal-Istati Uniti għal Londra, Woody Johnson, qal li ċ-Ċina perikolat lid-dinja meta żammet lura informazzjoni dwar l-epidemija (illum pandemija) tal-coronvirus — bir-riżultat li l-infezzjonijiet infirxu ferm ‘il hinn mill-fruntieri taċ-Ċiniżi.

Meta esprima ruħu f’artiklu għall-gazzetta The Times ta’ Londra, Johnson sostna li ‘iċ-Ċina, għall-bidu, ippruvat toħnoq l-aħbar tal-virus qabel, imbagħad, qasmet xi informazzjoni kritika fuq bażi selettiva minbarra li ħolqot ‘l-ostakoli’ għall-awtoritajiet tas-saħħa internazzjonali.

L-ambaxxatur tenna li kieku ċ-Ċina mexxiet l-affarijiet kif suppost u fiż-żmien opportun, ‘aktar Ċiniżi u l-bqija tad-dinja setgħu jiffrankaw l-aktar impatt serju tal-marda’.

Woody Johnson kompla li ladarba l-kriżi tal-coronavirus tbatti, id-dinja għandha tevalwa l-konsegwenzi u x’kellu jiswielha ‘dan in-nuqqas’ fil-qasam tal-kollaborazzjoni internazzjonali

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qal li ċ-Ċina messha ħadet passi aktar mgħaġġlin biex twissi lid-dinja wara li feġġet il-coronavirus f’artha. Trump, fl-istess ħin, ċaħad il-kritika dwar kif hu rrefera għall-pandemija bħala ‘virus taċ-Ċiniżi’…Messaġġ li għal uħud, iġorr miegħu ton razzista.

L-Istati Uniti għandha kważi 70,000 każ ikkonfermat tal-coronvirus u talanqas 1,050 mewta mill-infezzjoni.

Għajnuna storika lill-Amerikani…

Sadanittant, is-Senat Amerikan għadda abbozz għall-għajnuna waqt il-kriżi tal-coronavirus ekwivalenti għal żewġ triljun dollaru. Dan meqjus bħala l-akbar stimolu ekonomiku fl-istorja tal-Istati Uniti.

Il-pjan jinkludi pagamenti diretti ta’ $1,200 lill-maġġoranza tal-adulti Amerikani flimkien ma’ għajnuna li għandha tgħin lin-negozji ż-żgħar biex iħallsu lill-ħaddiema.

L-abbozz, issa, jitressaq quddiem il-Kamra tar-Rappreżentanti f’Washington li mistenni jivvota dwaru llum.