Lokali

“L-ebda ftehim bejn Malta u l-Libja”; Il-Prim Ministru jgiddeb lil Neville Gafà

Ma kien hemm l-ebda tip ta’ ftehim dwar immigranti bejn Malta u l-Libja bejn l-2018 u l-2020. Dan issa kkonfermah il-Prim Ministru Robert Abela fil-Parlament, fi tweġiba għal mistoqsijiet Parlamentari mid-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg.

B’dawn it-tweġibiet, il-Prim Ministru giddeb b’mod kategoriku dak li kien qed jgħid Neville Gafà, li sa ftit tal-ġimgħat ilu kien person of trust fl-Uffiċju tal-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru għalhekk ikkonferma li żjarat li Gafà għamel fil-Libja u li għalihom uża visa diplomatika, ma kienux żjarat uffiċjali, kif dejjem sostna Gafà. F’dawn iż-żjarat, Neville Gafà kien akkumpanjat minn Kenneth Camilleri, li kien uffiċjal tas-sigurtà mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Kemm Gafà kif ukoll Camilleri intalbu jixhdu dwar dawn iż-żjarat tul l-inkjesta pubblika fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Fix-xhieda tiegħu Gafà insista li hu kien il-Libja fuq xogħol tal-Gvern marbut mal-kriżi tal-immigrazzjoni.

Gafà qal li kieku ma kienx għax-xogħol li għamel hu, kieku n-numru ta’ immigranti li kienu jaslu Malta bejn l-2018 u l-2020 kien ikun ferm akbar.

Camilleri, min naħa tiegħu, filwaqt li ma ċaħadx li kien akkumpanja lil Gafà, xehed taħt ġurament li ma kienx jaf għalxiex kienu marru hemm u li fl-ebda ħin ma ddiskuta l-iskop taż-żjara ma’ Gafà.

Dwar dan, Ivan Grech Mintoff ipproduċa evidenza li turi li Camilleri mhux talli kien jaf x’kien diskuss, talli kien madwar il-medja jiddiskuti flimkien ma’ Gafa u ma’ uffiċjali Libjani.

Din l-evidenza tipponta lejn verità differenti, jiġifieri li l-iskop veru taż-żjarat ta’ Gafà kienu sabiex isir xi tip ta’ ftehim bejn u bejn uffiċjali Libjani b’rabta mal-iskandlu tal-visas mediċi.

Għadd ta’ Libjani li xehdu fil-Qorti permezz ta’ videolink b’rabta mal-ħruġ ta’ visas mediċi qalu li Neville Gafa talabhom bejn €2,000 u €3,000 biex dawn il-visas ikunu jistgħu jinħarġu.

Il-Libjani kienu xehdu f’kawża ta’ libell li Gafa fetaħ kontra l-ġurnal Malta Independent.

Sadanittant għadu mhux magħruf eżatt ma’ min kienu qed jinnegozjaw Neville Gafà u Kenneth Camilleri u f’isem min, x’kien il-ftehim milħuq u jekk hux ftehim legali.