Futbol Sport

L-erba’ timijiet il-kbar fil-Ġermanja b’solidarjetà mal-kumplament tat-timijiet fil-pajjiż

(Ritratt: EPA)

L-erba’ klabbs tal-Bundesliga li lagħbu fil-UEFA Champions League f’dan l-istaġun se joħorġu €20 miljun bħala sapport lil timijiet Ġermaniżi oħra f’dan iż-żmien tal-coronavirus. Bayern Munich, Borussia Dortmund, RB Leipzig u Bayer Leverkusen se jaqsmu l-parti tagħhom li ġejja mid-dħul nazzjonali tal-media u se jagħtuha donazzjoni lill-kumplament tat-timijiet. Il-flus se jitqassmu mill-German Football League u hi kompetenza tagħhom kif se jqassmu l-flus.

L-aħħar logħba mill-Bundesliga li ntlagħbet kienet fil-11 ta’ Marzu. Jumejn wara l-ogħla diviżjonijiet fil-Ġermanja ġew sospiżi b’effett immedjat minħabba l-Covid-19. L-attakkant ta’ Bayern Munich Robert Lewandowski flimkien ma’ martu taw donazzjoni ta’ €1 miljun biex jissieltu l-virus filwaqt li bl-istess ammont, sħabu Leon Goretza u Joshua Kimmich nedew fond bl-isem “We Kick Corona”. Illum ukoll, il-plejers u diretturi ta’ Bayern Munich u Borussia Dortmund qablu li jitnaqqsilhom persentaġġ mis-salarju tagħhom.