Coronavirus Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

L-UE tivvota dwar pakkett ta’ għajnuna ta’ €37 biljun lill-Membri Stati

President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen
€50 miljun għal pajjiżna

Il-Ħamis filgħodu, il-Parlament Ewropew ivvota dwar pakkett ta’ għajnuna finanzjarja ta’ €37 biljun biex jimmitigaw il-problemi li qed jiffaċċjaw is-27 Membru Stat, bl-impatt tal-Covid-19.

F’Parlament pratikament vojt, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen tkellmet dwar dan il-pakkett straordinarju li l-għan tiegħu hu li jgħin lill-pajjiżi Ewropej kemm biex jiġi miġġieled il-virus, kif ukoll biex itaffi l-piż ekonomiku fuq il-pajjiżi u jgħin sabiex ma jintilfux impjiegi f’dan iż-żmien ta’ sfida.

Hi qalet li l-Ewropa tinsab “fi ġlieda għal ħajjitha”, hekk kif qed ikomplu jiżdiedu l-imwiet u l-infezzjonijiet ġodda tal-virus. Von der Leyen qalet li l-Ewropa t’għada se tkun determinata mid-deċiżjonijet li qed jittieħdu llum.

Hi kellha kliem iebes ħafna għal dawk il-pajjiżi li tul din il-kriżi kienu waqqfu l-esportazzjoni ta’ apparat mediku lil pajjiżi oħra, u li kienu marru ‘l bogħod mit-twemmin Ewropew ta’ għaqda. “Ħasbu għalihom infushom, f’mument meta ridna nkunu hemm għal xulxin”. Von dr Leyen tenniet, “l-istorja għandha għajnejha fuqna bħalissa”.

Intant, f’post fuq il-media soċjali, il-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista Robert Metsola qalet li hija tefgħet il-vota tagħha onlajn favur dan il-pakkett ta’ għajnuna, li minnhom Malta se tkun qed tirċievi madwar €50 miljun.

Il-Kap tad-delegazzjoni Nazzjonalista qalet li l-uniku mod li nistgħu niġġieldu dan il-virus huwa billi l-Ewropa tingħaqad f’solidarjetà. Dan ifisser li jsir dak kollu possibbli biex jitnaqqas ir-riskju ta’ infezzjoni, li tkun żgurata l-kontinwità tal-provvediment tal-aktar affarijiet essenzjali, u sabiex li jkunu salvagwardjati l-impjiegi f’dan iż-żmien diffiċli.