Internazzjonali

New Zealand: Il-qattiel ta’ Christchurch jammetti għal 51 każ ta’ omiċidju

Ir-raġel li qed ikun akkużat bl-attakki ta’ sena ilu fuq żewġ moskej fil-belt ta’ Christchurch ammetta l-ħtija għal 51 akkuża ta’ omiċidju. Brenton Tarrant, ta’ nisel Awstraljan u li għandu 29 sena, ammetta wkoll għall-attentati fuq il-ħajja ta’ 40 persuna oħra kif ukoll dwar akkuża ta’ terroriżmu.

Tarrant ammetta l-ħtija waqt smigħ speċjali fil-Qorti Għolja ta’ Christchurch fejn hu u l-avukati tiegħu dehru waqt kollegament bil-video. Oriġinarjament, Tarrant kien ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih u meta l-ġuri tiegħu kien mistenni għal Ġunju.

L-attakki fuq il-moskej kienu qanqlu xokk u dieqa madwar id-dinja u fl-aħħar sigħat, il-pubbliku kien ipprojbit milli jattendi personalment għas-smigħ.

Is-sentenza ta’ Brenton Tarrant għal 92 għadd ta’ akkuża se tkun ikkonfermata f’data li għad trid tkun stabbilita. Il-qattiel qed jibqa’ miżmum taħt arrest sal-1 ta’ Mejju, meta l-qorti qed tittama li tiffissa data għal meta tinqralu s-sentenza.

L-imħallef  Cameron Mander, li qed jippresiedi l-każ, spjega li mhemmx intenzjoni li tinqara s-sentenza tal-imputat qabel il-qorti tirritorna għall-proċeduri normali u qabel il-qraba tal-vittmi jkunu jistgħu jattendu għas-sessjoni personalment.

L-isparaturi ta’ Tarrant, fil-15 ta’ Marzu tal-2019, bdew meta l-Awstraljan kien saq lejn il-moskea ta’ Al Noor, fi Christchurch, qabel daħal fil-bini u beda jispara fuq min ġie quddiemu. Ftit wara, hu irritorna lejn il-karozza, qabad arma oħra u mar lura fil-moskea għal tieni sparatura.

Tarrant, imbagħad, saq lejn il-moskea ta’ Linwood fejn spara għal żewġ persuni fuq barra u lejn it-twieqi tal-bini – qabel ħareġ raġel mill-moskea u qabad azzarin li ħalla warajh l-aggressur u b’talaħħar jaħrab minn fuq il-post. Brent Tarrant, ftit wara, spiċċa arrestat minn żewġ pulizija li kienu qed isegwuh, fost l-istat ta’ allert.