Coronavirus Sport Sport Ieħor

Pressjoni kbira biex il-kampjonati ta’ Wimbledon jiġu sospiżi

Qed issir pressjoni kbira biex il-kampjonati tat-tennis f’Wimbledon, skedati biex jibdew f’Ġunju jiġu sospiżi. L-organiżatturi għad iridu jiddeċiedu jekk humiex se jibqgħu għaddejjin bil-preparamenti tal-kampjonati għal dan is-sajf. Il-Bord ta’ emerġenza se jiltaqa’ l-ġimgħa d-dieħla biex jieħu deċiżjoni finali dwar dan.

Il-pressjoni qed tikber fuq l-organiżatturi biex jaslu għal deċiżjoni fuq wieħed mill-akbar avvenimenti fil-kalendarju sportiv dinji li kellu jibda f’Ġunju u jintemm f’Lulju li ġej.

Wimbledon kellu jibda fid-29 ta’ Ġunju, bil-biebin magħluqin, iżda issa jidher li l-kunċett tal-biebin magħluqin ġie skartat. Aktar kmieni dan ix-xahar, l-Open ta’ Franza, li skedat għal Mejju li ġej, issa ġie deċiż li jsir bejn l-20 ta’ Settembru u l-4 ta’ Ottubru.

Is-siti ta’ Wimbledon magħrufa bħala l-All England Club, flimkien mal-Wimbledon Park Golf Club u Raynes Park bħalissa jinsabu magħluqin biex l-operazzjonijiet fiżiċi jiġu mnaqqsa għal minimu possibbli, u dan biex iżommu ħielsa l-courts tal-ħaxix u s-sigurtà tas-siti.  

Il-Kap Eżekuttiv Richard Lewis qal: “Din hija sfida mingħajr preċedent li ġiet fuqna minħabba l-kriżi tal-Covid-19 u li qed tkompli taffetwalna ħajjitna b’modi li qatt ma mmaġinajna, u l-ħsibijiet tagħna bħalissa huma ma’ dawk kollha affettwati fir-Renju Unit u l-bqija tad-dinja, xi ħaġa li qed tibdel il-ħajja tagħna.   

“L-iktar importanti hija l-kunsiderazzjoni lejn is-saħħa pubblika, u ninsabu determinati biex naġixxu b’mod responsabbli permezz tad-deċiżjonjiet li nieħdu. Qegħdin naħdmu qatiegħ biex inġibu ċertezza għal pjanijiet ta’ din is-sena u ġie deċiż li nagħmlu laqaż b’urġenza għall-ġimgħa d-dieħla, fejn se nkunu qegħdin niddeċiedu” qal Lewis.