Lokali

Alleanza ta’ attivisti tad-drittijiet tal-bniedem jitolbu lil Malta biex tirtira l-akkużi kontra refuġjati żgħażagħ

“Li tirreżisti pushbacks illegali għal-Libja mhijiex reat kriminali!” 

Saret talba minn alleanza ta’ attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem biex tirtira l-akkużi kontra tliet refuġjati żgħażagħ li kienu ġew arreastati għaliex ma riedux imorru l-Libja.

Kien sena ilu meta dgħajsa tal-lastku li fuqha kien hemm ’il fuq minn 100 persuna telqet mill-kosta tal-Libja u waslet qawwija u sħiħa fl-Ewropa. Għalkemm kienu misjuba u salvati mill-bastiment tal-merkanzija El Hiblu 1, l-ekwipaġġ tal-bastiment kien ordnat mill-awtoritajiet Ewropej biex jirritorna lil dawk salvati lura l-Libja.

L-attivisti qalu li permezz ta’ protesta kollettiva abbord, il-108 persuna salvati evitaw pushback u din ġegħlet lill-ekwipaġġ biex jivvjaġġa lejn Malta. Waqt din il-protesta, ħadd ma weġġa’ u xejn ma nkiser. F’mezzi pubbliċi, dawn ġew deskritti bħala ‘pirati’ u ‘terroristi’, iżda meta l-forzi militari Maltin telgħu abbord id-dgħajsa, kulma sabu kienu bnedmin bi bżonn ta’ protezzjoni.  

Mal-iżbark tagħhom f’Malta, tliet żgħażagħ ta’ 15, 16, u 19-il sena, ġew arrestati u akkużati b’diversi reati kriminali, inkluż terroriżmu. “Aħna ħrabna minn trattament tirraniku u inuman fil-Libja biex infittxu ħajja oħra f’Malta”, jgħid wieħed mit-tlieta.

Minflok sabu dak li kienu qed ifittxu, huma ġew miżmuma fil-ħabs għal kważi tmien xhur. Għalkemm f’Novembru 2019 ġew liberati fuq pleġġ, it-Tlieta ta’ El Hiblu mhumiex ħielsa. Huma qed jaffaċċjaw akkużi serjissimi li kapaċi jirriżultaw fi snin ta’ priġunerija. 

Lucia Gennari ta’ Mediterranea tispjega: “L-awtoritajiet Ewropej qatt ma jmisshom jagħtu struzzjonijiet lil kaptani ta’ vapuri biex jirritornaw persuna salvati lura l-Libja għax dan jikkostitwixxi ksur ċar tal-liġi internazzjonali tal-baħar kif ukoll ksur serju ta’ drittijiet fundamentali.” 

Jelka Kretzschmar ta’ Sea-Watch tenfasizza: “L-attentat biex tevita pushback irid jiġi kkunsidrat bħala att ta’ awtodifiża u mod ta’ kif wieħed jipproteġi l-ħajja li ma jistax leġittimament jiġi kkastigat.” 

Il-kampanja internazzjonali ta’ solidarjetà tagħna—Eħilsu t-Tlieta ta’ El Hiblu!—tibda llum. Passiġġieri ta’ El Hiblu 1, organizzazzjonijiet ta’ salvataġġ fuq il-baħar, avukati internazzjonali, riċerkaturi, attivisti, organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem f’Malta u lil hinn, ingħaqdu biex isejħu għat-twaqqif immedjat tal-każ kontrihom. Minflok jiġu mressqa l-qorti, it-Tlieta ta’ El Hiblu għandhom jiġu ċċelebrati tali evitaw pushback illegali għal-Libja. 

 “It-tliet żgħażagħ misshom jitqiesu bħala eroj—huma evitaw li 108 superstiti jittieħdu lura fil-kundizzjonijiet inumani fil-Libja!”, żied jgħid Maurice Stierl ta’ Alarm Phone.