Lokali

Appell lill-Gvern biex il-ħaddiema kollha fil-qasam ġurnalistiku jgawdu mill-miżuri finanzjarji

Appell ġenwin minn dawk kollha li jaħdmu fil-qasam tal-media biex dawn jiġu mgħejjuna mill-Gvern minħabba l-kriżi tal-COVID19. Ħafna pajjiżi Ewropej diġa għamlu l-pass u kkonfermaw li l-ġurnalisti full-time, part-time u freelancers, flimkien ma’ kull ħaddiem fil-media jingħataw għajnuna xierqa mill-Gvern f’mument ta’ kriżi.

Meta l-parti l-kbira tal-postijiet tax-xogħol huma magħluqa minħabba x-“shutdown parzjali”, ordnat mill-awtoritajiet tas-saħħa, r-reklamar fil-gazzetti u l-mezzi tax-xandir qed jonqos b’mod drastiku. Barra minn dan, minħabba li ħafna nies qed jobdu l-ordnijiet u rrakkomandazzjonijiet u jibqgħu d-dar, anke l-bejgħ tal-ġurnali naqas.

Dan kollu se jfisser nuqqas ta’ dħul għal media houses li jimpjegaw magħhom ġurnalisti u għalhekk l-impjieg jew id-dħul tal-ġurnalisti Maltin jinsab fil-periklu.

Dan l-appell lill-Gvern sar mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin li saħaq li fil-familja ġurnalistika, għandna numru ta’ ġurnalisti u fotografi/camerapersons li huma freelancers, jaħdmu għal rashom, li d-dħul tagħhom diġa’ naqas drastikament għax ix-xogħol tagħhom naqas.  Eżempju ċar ta’ bħalissa huwa li mhumiex qegħdin jiġu organizzati attivitajiet sportivi, soċjali jew attivitajiet tal-massa li minnhom jiddependi ħafna mid-dħul ta’ dawn il-ġurnalisti.

Xogħol il-ġurnalist hu wieħed essenzjali f’soċjetà demokratika. Mingħajr il-ħidma tal-ġurnalisti, l-poplu ma jistax jinżamm infurmat dwar dak li qed iseħħ fil-pajjiż. Anke l-Gvern jeħtieġ l-appoġġ u l-għajnuna tal-ġurnalisti biex iwassal il-messaġġ lill-poplu tiegħu.

Il-Gvern ħabbar diversi miżuri biex jgħin lill-ħaddiema li qed jintlaqtu ħażin fiċ-ċirkostanzi attwali tal-pajjiż. Sfortunatament, mhux ċar jekk il-ġurnalisti, inkluż dawk il-fotografi freelancers li jaħdmu għal rashom u naqsilhom ħafna x-xogħol, hux se jibbenefikaw minn dawn il-miżuri u b’liema mod.

F’ittra li l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin bgħat lill-Prim Ministru, appella lill-Gvern biex jassigura li l-ħaddiema kollha fil-qasam tal-ġurnaliżmu, inkluż il-freelancers, igawdu mill-miżuri finanzjarji mħabbra mill-Gvern u li xogħolhom ikun protett.

Ta’ min jgħid li f’diversi pajjiżi madwar id-dinja, partikolarmnet fl-Ewropa, l-ġurnalisti kollha, inkluż il-freelancers, qed isibu għajnuna mill-gvernijiet rispettivi tagħhom, biex fiċċirkostanzi attwali dawn il-ħaddiema jibqa’ jkollhom dħul biex jgħixu ħajja diċenti huma u l-familji tagħhom.  

Fost il-miżuri li ttieħdu minn pajjiżi oħra kienu fost oħrajn ta’ għajnuna finanzjarja diretta. Fil-Belġju fil-każ tal-ġurnalisti sportivi dawn qegħdin jingħataw ammonti li jlaħħqu €1.614,10 meta wieħed għadu familja u €1.291,69 għal min jgħix waħdu.

Franza ħabbret salarju ta’ 70% tad-dħul gross tal-ġurnalisti jew li jaħdmu f’dan il-qasam. Il-Finlandja se tkun qed tgħin billi tagħti kumpens għal min waqaf mix-xogħol, u dan jinkludi l-oqsma tal-ġurnaliżmu ta’ €724 fix-xahar.  

Il-Gvern Olandiż qed jgħin lil kull ħaddiem għal tliet xhur permezz tal-paga minima nazzjonali u n-Norveġja se tkun qed tagħti 80% tal-paga medja. Il-Portugal se jagħti terz tad-dħul medju filwaqt li l-Isvezja se toħroġ €100miljun

Fil-Ġermanja, l-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti qed tgħid li l-Gveen mhuwiex jgħin biżżejjed lill-ġurnalisti freelance li għal perjodu ta’ tliet xhur se jingħataw bejn €9,000 u €15,000.