Lokali

Community Policing għandu jiddaħħal immedjatament kullimkien – PN

Fi stqarrija, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Kunsilli Lokali, l-Komunitajiet u l-Fondi Ewropej Robert Cutajar elenka l-fatt kif Il-Partit Nazzjonalista jinnota b’sodisfazzjon dak li qal il-Ministru tal-Intern aktar kmieni llum fejn kien qed jilqa’ proposta li ilha taghmel l-Oppożizzjoni li l-kunċett tal-Community Policing jibda jitħaddem f’aktar lokalitajiet u mhux f’lokalità waħda kif ġara sa issa.

Tajjeb li wieħed ifakkar li l-kunċett tal-Community Policing kien tressaq mill-PN f’waħda mit-80 proposta li l-Oppożizzjoni kienet ressqet b’rabta mar-riforma tal-Kunsilli Lokali sentejn ilu. Matul l-aħħar xhur dan il-kunċett beda jitħaddem biss fil-lokalità tal-Mellieħa minkejja l-appelli tal-Oppożizzjoni li l-Gvern seta’ jħaddmu wkoll f’kull lokalità f’Malta u Għawdex. Sal-bieraħ stess l-Oppożizzjoni waqt konferenza tal-aħbarijiet reġgħet appellat lill-Gvern li fiċ-ċirkustanzi li qed ngħixu fihom llum, kawża tat-tixrid tal-Coronavirus f’pajjiżna, it-tħaddim tal-Community Policing għandu immedjatament jibda jitħaddem f’kull belt u raħal f’pajjiżna b’kordinament dirett mal-Kunsilli Lokali.

Filwaqt li l-Oppożizjoni tirrikonoxxi li l-Community Policing qed jitħaddem b’suċċess fil-lokalità tal-Mellieħa, il-Gvern għandu mill-aktar fis jieħu d-deċiżjonijiet li għandu jieħu biex dan il-kunċett jibda mhux biss jitħaddem fl-10 lokalitajiet li ħabbar il-Ministru llum izda wkoll f’kull lokalità.

L-Oppożizzjoni kif welldet din l-idea tal-Community Policing f’pajjiżna sentejn ilu lesta tkompli tagħti l-appoġġ kollu tagħha lill-Gvern u lill-Kunsilli Lokali fil-firxa aktar wiesa’ ta’ din l-inizjattiva, intenzjonata mhux biss biex tnaqqas il-kriminalità f’pajjiżna iżda wkoll sabiex tgħin li jkompli jikber ir-rispett tal-pubbliku lill-membri tal-korp tal-pulizija.

L-Oppożizzoni terġa’ tieħu din l-okkazzjoni biex tirringrazzja lill-forzi kollha tal-ordni għall-ħidma tagħhom f’dawn il-mumenti diffiċli li pajjiżna għaddej minnhom bħall-kumplament tad-dinja. Ringrazzjamenti simili jmorru wkoll għall-ħaddiema kollha li qed jaqdu d-doveri tagħhom fl-uffiċji tal-Kunsilli Lokali u l-Kunsilli Reġjonali f’pajjiżna.